Il-PN jaqbel mal-Gvern biex “il-bastiment tal-mibegħda” ma jiddaħħalx Malta

Il-Partit Nazzjonalista qabel mad-deċiżjoni tal-Gvern li jżomm il-vapur C-Star, magħruf bħala “l-bastiment tal-mibegħda,” milli jidħol Malta.
Ilbieraħ, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li mhux se jħalli lil Malta tiġi użata minn organizzazzjoni razzista u kważi nazzista.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista insista li l-uniku skop tal-vapur huwa li jwassal il-messaġġi tal-estremisti.
Żied jgħid li l-valuri ta’ tolleranza u solidarjetà għandhom jirbħu f'kull mument kontra l-estremiżmu u r-razziżmu, li qed iwasslu l-promoturi tas-C-Star.
Il-PN temm billi appella lill-Prim Ministru biex issa jkun konsistenti u “mhux jieħu deċiżjonijiet differenti skont kif jonfoħ ir-riħ.”
Fakkar li riċenti, l-istess Gvern ħa deċiżjonijiet dubjużi ferm u nieqsa mill-valur tas-solidarjetà.
Ġimgħat ilu, il-Gvern Malti kien irrifjuta li jagħti permess biex vapur li kellu abbord tliet immigranti jiddaħħal Malta.