Il-PN jappella lill-PM biex jippubblika d-dokumenti kollha tal-Electrogas

Il-Partit Nazzjonalista appella lill-Prim Ministru Robert Abela biex jippubblika d-dokumenti u l-korrispondenza kollha marbuta mal-proġett tal-Electrogas.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija Ryan Callus u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba Karol Aquilina, dawn qalu li l-fatti xokkanti li qegħdin joħorġu ta’ kuljum dwar il-powerstation tal-Electrogas huma konferma ta’ kemm “din hija monument tal-korruzzjoni tal-Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat u Robert Abela. Dan il-proġett skandaluż huwa frott il-kriminalità organizzata li ħakmet lil pajjiżna u li tinvolvi politiċi Laburisti.”

Huma ddeskrivew il-powerstation bħala “mezz biex numru ta’ persuni jistagħnew minn fuq dahar il-poplu Malti u Għawdxi, b’tixħim u b’taxxi maħfura minn politiċi Laburisti bħal Konrad Mizzi, li kienu jew għadhom fit-tmexxija ta’ pajjiżna.”

Electrogas tippubblika stqarrija
L-Electrogas tgħid li mhix korrotta

Callus u Aquilina sostnew li Abela m’għandux jibqa’ jistaħba imma jrid jibda jerfa’ r-responsabbiltà politika u jieħu azzjoni bla ma jħares lejn wiċċ ħadd. Huma appellawlu li jippubblika d-dokumenti kollha tal-proġett, inkluż il-korrispondenza u l-kuntratti, mingħajr ebda ċensura. Għalihom, dan ikun l-ewwel pass biex il-ftehim jiġi mifli u ġġudikat mill-poplu.

Il-PN appella wkoll lil kull min għandu informazzjoni dwar dan il-ftehim biex jitkellem u jikxef li jaf. Il-PN stqarr li lest jgħin b’kull mezz disponibbli biex il-persuni li jikxfu informazzjoni jingħataw il-protezzjoni kollha meħtieġa fl-interess li toħroġ il-verità.

Fl-inkjesta pubblika fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia
Electrogas: Il-Bord tal-inkjesta jitlob dokumenti b’partijiet mhux mgħottija