​Il-PN jappella lill-Gvern inaqqas it-taxxa tad-dħul b’€170

Il-Partit Nazzjonalista ssuġġerixxa lill-Gvern biex fil-Baġit li se jitħabbar għaxart ijiem oħra, inaqqas it-taxxa tad-dħul b’€170 fis-sena.
Qed jissuġġerixxi wkoll li l-ħaddiema li ma jħallsux taxxa, jingħataw l-ekwivalenti fi ħlas dirett u li l-pensjonanti jingħataw żieda ta’ mill-inqas €200 fis-sena.
Irid ukoll li jiġu mwieżna l-iktar vulnerabbli.
Il-PN, f’konferenza tal-aħbarijiet minn Tonio Fenech, qal li l-proposti qed isiru fid-dawl tal-aħbarijiet pożittivi dwar l-ekonomija li dwarhom jitkellem il-Prim Ministru Joseph Muscat u ż-żieda ta’ 58ċ għall-għoli tal-ħajja.
B’dan il-kumpens, saħaq Tonio Fenech, il-familji Maltin xorta mhux se jibqagħlhom flus fil-but.
Fenech ta rendikont ta’ wegħdiet li għamel Muscat fil-programm elettorali li, qal, il-familji Maltin qed jistennew li jiġu mwettqa f’dan il-Baġit.
Fosthom hemm li l-piż tat-taxxi ma jiżdiedx, li t-tkabbir ekonomiku jilħaq lil kulħadd, u li jinqered il-faqar mill-pajjiż.
Tonio Fenech qal li ż-żieda ta’ 58ċ tkopri biss xirja li skont Konrad Mizzi, issir darba fil-ġimgħa. Qal li fil-verità, il-familji jafu li dak li qal il-Ministru Mizzi mhux veru, wisq aktar meta martu qed titħallas is-somma ta’ €13,000 fix-xahar.  

Reazzjoni Gvern
Fi stqarrija, l-Gvern qal li l-Oppożizzjoni għadha mhux qed tifhem li l-familji qed jaraw l-pajjiż miexi fid-direzzjoni t-tajba. 
Il-familji qed iħossu d-differenza fil-but u se jkomplu jħossuha bil-miżuri li se jittieħdu fil-baġit għall- 2015.
Il-Ministeru għall-Finanzi qal li hija  ironika li l-eks Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech, wiegħed iżda ma wettaqx tnaqqis tal-income tax għal 25% u issa qed jgħid illi kieku kien fil-Gvern kien inaqqas l-income tax bla ma jgħid kif jiffinanzjaha.