Il-PN jappella lill-Gvern biex jissospendi l-kumpaniji li jissemmew fir-rapport

Il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern biex jissospendi l-kuntratti pubbliċi tal-kumpaniji tal-kostruzzjoni li jissemmew fir-rapport tal-inkjesta dwar il-konkrit użat f’Mater Dei.
Il-kelliema tal-Oppożizzjoni Claudio Grech u Claudette Buttigieg qalu li l-Gvern jinsab iżjed mehdi jwaddab it-tajn minflok jara kif se toħroġ il-verità kollha.
Il-kumpaniji nvoluti huma Mixer Ltd, Blockrete, Davlands u Magħtab Ltd.
Mir-rapport tal-bord tal-inkjesta immexxija mill-eks-Imħallef Philip Sciberras ġie determinat li s-saħħa tal-konkrit ma kienx kif meħtieġ iżda huwa ferm iżjed inferjuri.
Claudette Buttigieg qalet li l-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi naqas milli jgħid kif mir-rapport jirriżulta li l-eks-Ministru John Dalli kien responsabbli għall-ftehim bejn Cost Plus u Skansk.
Qalet li mir-rapport jirriżulta wkoll li John Dalli kien responsabbli tas-subcontractors.
Il-kelliema qalu li l-inkjesta naqset li tippubblika rapport li kien sar fi żmien Gvern Laburista bejn l-1996 u l-1998 meta kienet ittieħdet id-deċiżjoni li l-isptar jitkabbar.
Claudio Grech sostna li kien qed jistenna li l-kuntratturi responsabbli mill-konkrit u l-persuni li ssemmew fir-rapport kellhom jiġu nterrogati mill-bord tal-inkjesta.
Sostna li l-Partit Nazzjonalista ilu jappella lill-Gvern biex jieħu azzjoni iżda l-inkjesta damet għaxar xhur biex lestiet ir-rapport.

Reazzjoni John Dalli
Fi stqarrija John Dalli qal li l-kuntratt ta’ Cost Plus kien amministrat mill-FMS, li kienet appuntat lil Howarth-CLS/E.C. Harris bħala kontrolluri tal-proġett.
Dalli qal li ma kien introduċa subcontractors għall-proġett u li d-deċiżjoni finali tal-għażla tas-subcontractors kienet ta’ Skanska.
Enfasizza li ħuh baqa’ barra mill-proġett għal erba’ snin.