Il-PN jappella biex tiġi implimentata l-liġi tal-Guardianship

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Impjiegi u l-Persuni b’Diżabilità, Stephen Spiteri ħeġġeġ lill-Gvern biex tiġi implimentata l-liġi dwar il-Guardianship, biex Malta tkun konformi mal-Konvezjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Spiteri qal dan waqt laqgħa maċ-Chairperson tal-KNPD, Oliver Scicluna.
Spiteri qal li ma sar xejn biex il-ġenituri ta’ persuni b’diżabilità jserrħu rashom dwar x’se jiġri minn uliedhom meta huma ma jkunux jistgħu jibqgħu jieħdu ħsiebhom.
Saħaq li l-aħjar soluzzjoni hi l-proposta tal-Partit Nazzjonalista li titwaqqaf taqsima legali fl-Aġenzija Sapport biex kull persuna b’diżabilità jkollha pjan għall-ħajja li permezz ta’ kuntratt legali l-Gvern jintrabat x’servizzi irid jagħti lil dik il-persuna biex hi tibqa’ tgħix b’mod indipendenti.
Stephen Spiteri fakkar kif l-Oppożizzjoni ressqet emenda Kostituzzjonali sabiex tkun eliminata kull tip ta’ diskriminazzjoni kontra persuni b’diżabilità, u stieden lilll-KNPD sabiex tappoġja din l-inizjattiva.

Reazzjoni Gvern:
B’reazzjoni għall-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista dwar il-Guardianship, is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità sostna li huwa tat-tħassib li l-Oppożizzjoni mhix konxja li l-bord tal-Guardianship twaqqaf.  
Is-Segretarjat issostni li din il-liġi, minkejja li saret minn Gvern Nazzjonalista, qatt ma tħaddmet għaliex ma kienx hemm strutturi għaliha.
L-istqarrija tas-Segretarjat issostni li kien Gvern Laburista li identifika uffiċċju, ħatar Reġistratur u l-bord.
Biex Malta tkun konformi mal-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-Gvern waqqaf focal point nazzjonali li huwa responsabbli mill-implimentazzjoni tal-konvenzjoni.
Is-Segretarjat Parlamentari qal li tfasslet l-ewwel politika nazzjonali dwar id-diżabilità u dalwaqt se titnieda l-istrateġija dwar id-diżabilità.
Tfasslu l-istandards għad-djar residenzjali tal-persuni b’diżabilità li dalwaqt jiġu ppubblikati, issaħħet l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbilità u s-servizzi mogħtija mill-Aġenzija Sapport inkluż fil-gżira Għawdxija, u beda x-xogħol fuq il-programm ta’ manutenzjoni estensiva għaċ-ċentri ta’ matul il-jum għall-persuni b’diżabbilità.