Il-PN jappella biex jitkompla s-servizz bil-baħar bejn Għawdex u Sa Maison

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li l-Gozo Channel waqqfet is-servizz bejn Sa Maison u l-Imġarr.
Il-kelliema tal-Oppożizzjoni Chris Said u Frederick Azzopardi qalu li għexieren ta’ trakkijiet li kull ġimgħa kienu jagħmlu użu minn dan is-servizz se jkollhom jibdew jużaw il-port taċ-Ċirkewwa u se jinħolqu problemi tat-traffiku bit-trakkijet mgħobbija.
Il-kelliema qalu li l-Ministeru għal Għawdex, li huwa responsabbli mill-Gozo Channel ma sab l-ebda soluzzjoni alternattiva.
L-istqarrija tagħmel ukoll referenza għal mistoqsija Parlamentari li saret lill-Ministru għal Għawdex li kien assigura li hemm soluzzjoni li din kienet se tibda titħaddem fi żmien qasir.
Il-kelliema qalu li s-soluzzjoni kienet li s-servizz jieqaf għal kollox.
Il-Partit Nazzjonalista qed jappella biex tinstab soluzzjoni malajr biex ikun hemm servizz bil-baħar għall-ġarr tal-merkanzija mill-Port tal-Marsamxett jew mill-Port il-Kbir.