Bżonn interconnector ieħor – PN; mhux dejjem irħas – il-Gvern

Aġġornat 07:33 PM

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista appella biex jinxtara interconnector ieħor wara l-aħħar episodji ta’ qtugħ ta’ dawl f’Malta. F’reazzjoni l-Gvern qal li d-dawl mill-interconnector ma jkunx dejjem irħas minn dak li jiġi prodott f’Delimara.

Fi stqarrija ffirmata mill-MP David Agius il-PN qal li l-impjant f’Ragusa fi Sqallija kien sar bi pjan li jkun jista’ jieħu iktar minn interconnector wieħed. Il-PL qal li wieħed għandu jħares lejn fondi Ewropej għat-tieni interconnector kif sar għall-interconnector li hemm bħalissa.

“L-enerġija tal-interconnector mhux biss hija l-irħas imma hija wkoll l-iktar waħda nadifa,” qal il-PN.

“Il-poplu llum fehem li l-power station ta’ Muscat, magħrufa bħala l-monument ta’ korruzzjoni, saret biex jinqdew nies li llum huma taħt investigazzjoni u li fetħu kumpanniji sigrieti u mhux biex ikun servut il-poplu. Il-poplu fehem li min kien iffukat kif se jaqla’ lira għalih u sħabu, nesa lill-poplu. Dan wassal biex illum qed nħallsu prezzijiet tal-gass li huma għola mill-bqija tal-Ewropa, frott ftehim korrott ta’ dan il-Gvern Laburista mal-Ażerbajġan.”

Skont il-PN il-Gvern qed jaħbi xi informazzjoni dwar x’wassal għall-qtugħ tad-dawl f’Malta.

“Minflok, il-Gvern Laburista nqeda b’ħaddiema ħabrieka tal-Enemalta biex il-poplu jsir jaf parti mill-fatti. Ingħad li ankra ta’ vapur laqtet u għamlet ħsara kbira fl-interconnector. Bit-teknoloġija moderna tal-lum, faċli li wieħed ikun jaf liema vapur u x’ħin sar dan l-allegat inċident. Il-poplu bir-raġun isaqsi jekk hemmx assikurazzjoni mill-Enemalta għal inċidenti simili u jekk ittieħdux passi kontra is-sidien tal-vapur,” qal il-PN.

L-interconnector mhux dejjem jipprovdi l-irħas enerġija – il-Gvern

F’reazzjoni għall-istqarrija tal-PN, il-Gvern qal li l-interconnector mhux dejjem jipprovdi l-irħas u l-iktar enerġija nadifa peress li jiddependi mit-taħlita ta’ sorsi disponibbli fil-grid ta’ Sqallija.

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Enerġija qal li “l-policies ta’ Malta fis-settur tal-enerġija huma bbażati fuq il-prinċipju li d-domanda għall-enerġija trid tintlaħaq bl-iktar mod ekonomikament effiċjenti u bl-inqas ħsara lill-ambjent.”

Qal li l-operat tal-interconnector wera li din it-teknoloġija hija suxxettibli għal inċidenti.

“Għaldaqstant, huwa importanti li t-taħlita ta’ sorsi ta’ enerġija li tuża Malta tkun ibbażata fuq numru ta’ riżorsi. Il-gvern jemmen fil-bżonn li l-enerġija rinovabbli tintuża iktar, u fil-fatt huwa joffri l-appoġġ tiegħu fl-installazzjonijiet ta’ faċilitajiet li jiġġeneraw enerġija rinovabbli.”

X’nafu dwar il-qtugħ tad-dawl?