Il-PN jappella biex jinħarġu l-istudji dwar il-mina bejn Malta u Għawdex; il-PL iwieġeb

Read in English.

L-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern biex jippubblika l-istudji rilevanti li għandhom x’jaqsmu mal-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex u jieqaf jieħu deċiżjonijiet mingħajr studji u pjan fit-tul.

Skont stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista (PN), qalu li l-partit innota li l-assoċjazzjoni tal-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu f’Malta talbet biex jiġu ppublikati l-istudji kollha. Il-PN saħaq li ilu jinsisti dwar dan.

L-Oppożizzjoni saħqet li kienet diġà resqet emendi għall-mozzjoni tal-Gvern fuq dan il-proġett u talbet lill-Gvern jippubblika l-istudji kollha li diġà tlestew, ikompli għaddej bl-istudji neċessarji u minnufih jippubblika l-istess studji ġaladarba jitlestew, u jiżgura li jsiru l-istudji kollha meħtieġa bħall-Environmental Impact Assessment u l-Istrategic Environment Assessment kif ukoll studju dwar possibbiltà ta’ użu tat-trasport tal-massa.

Il-PN saħaq li dan jistona ma’ dak li ġie irrappurtat fil-midja fejn intqal li aktar tard din is-sena se joħorġu l-ewwel tenders. Il-PN qal li l-Gvern għandu jieqaf iwebbes rasu u jkaxkar saqajh u minflok jisma’ t-talba u t-tħassib ta’ bosta għaqdiet inkluż tal-GTA.

L-istudji ilhom ippubblikati x-xhur – PL

Fi tweġiba għal dan, il-Partit Laburista (PL) qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jiddeċiedi fejn qiegħed fuq il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex u jieqaf iġib skużi li ma jagħmlux sens. Il-PL qal li l-PN qed jipprova jintgħoġob ma’ kulħadd.

Fl-istqarrija l-PL ipprovda ħolqa ta’ fejn wieħed jista’ jsib l-istudji ippubblikati fuq is-sit ta’ Transport Malta.