Il-PN jakkuża lill-Prim Ministru b’vendikazzjoni mas-Siġġiwin

Il-Kelliem tal-PN għall-Ġustizzja, Jason Azzopardi, akkuża lill-Prim Ministru Joseph Muscat b’diskriminazzjoni politika minħabba l-każ ta’ parti miċ-ċentru ċiviku tas-Siġġiewi li baqa’ jintuża mill-każin Laburista.
Jason Azzopardi akkuża lill-Prim Ministru li bħala Mexxej Laburista qed iwettaq vendikazzjoni mas-Siġġiwin, u li bl-attitudni tiegħu qed iġib l-interessi tal-partit politiku tiegħu qabel dak tal-familji u n-negozji.
Il-Kelliem Nazzjonalista nsista li tas-Siġġiewi hu bħall-każ t’Australia Hall, hekk kif il-Gvern għadda parti minn propjetà pubblika lill-Partit Laburista meta din suppost kienet qed tintuża għal skop tal-komunità. Qal ukoll li dan imur kontra l-liġi approvata tal-finanzjament tal-partiti, għax hu mod indirett kif il-Gvern qed jgħin partit politiku.
Il-Kelliem Nazzjonalista għall-Artijiet, Ryan Callus, xebbaħ dan il-każ ma’ dak ‘Gaffarena’ hekk kif akkuża lill-Gvern bi ftehim moħbi. Insista li l-Partit Laburista għandu jirtira mill-ftehim u jagħti l-propjetà lura lin-nies tas-Siġġiewi.
Is-Sindku Nazzjonalista tas-Siġġiewi, Karol Aquilina, qal li l-Kunsill Lokali ma kellu ebda triq oħra ħlief li jmur il-qorti biex jikseb lura dak li hu tiegħu bi dritt. Fakkar li ċ-ċentru ċiviku kellu jinkludi ċentru ta’ matul il-lejl għall-anzjani, ċentru ta’ riżorsi għall-komunità, spazju għal korsijiet u librerija pubblika.
Għall-konferenza tal-aħbarijiet attendew ukoll il-kunsilliera lokali tal-PN fis-Siġġiewi.