Il-PN jakkuża lill-Gvern li ħalla apposta l-kċina ta’ SVDP fi stat ħażin

Il-Partit Nazzjonalista qed jgħid li “l-Gvern ħalla l-kċina tar-Residenza San Vinċenz de Paule fi stat ta’ żdingar apposta biex ikun jista’ jgħaddiha lill-privat”.
Din il-ġimgħa, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani Justyne Caruana stiednet lill-ġurnalisti biex iduru fil-kċina tar-Residenza sabiex jaraw f’liema stat tħalliet.
Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi għaliex il-kċina kellha tingħalaq issa u mhux sena u erba’ xhur ilu meta l-Partit Laburista ġie elett fil-Gvern.
Il-Partit Nazzjonalista qal li ż-żjara tas-Segretarju Parlamentari kienet eżerċizzju ta’ ingann għax minflok tħallew inaddfu, il-ħaddiema tal-kċina ġew imsejħa għal-laqgħa mill-amministrazzjoni u meta ddaħħlu l-ġurnalisti sabu diżordni.
Is-Segretarju Parlamentari qalet li l-kċina ngħatat ċertifikat mis-sanità ta’ Grad F u l-Parir sostna li dan ikompli jikkonferma kemm il-kċina tħalliet tkompli tmur għall-agħar apposta biex il-Gvern jagħtiha lis-settur privat.

Reazzjoni Gvern:
Fi stqarrija, is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva sostna li l-Oppożizzjoni għażlet li tkun negattiva fuq proġett li ser itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani u tal-ħaddiema li jaħdmu ta’ kuljum fil-kċina tar-Residenza San Vinċenz de Paule. L-Oppożizzjoni qed tinsa li, meta kienet fil-Gvern, għamlet l-aħħar xogħol ta’ moderniżżar f’din il-kċina kważi għoxrin sena ilu u dan skont plakka li hemm imwaħħla fil-post. Intqal li l-istat ta’ telqa u abbandun fil-kċina ta’ San Vinċenz kien biss frott ta’ amministrazzjonijiet preċedenti li qatt ma kienu kapaċi jieħdu l-passi li hemm bżonn. Dan in-nuqqas huwa kkonfermat minn rapport professjonali tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi dwar din il-kċina li jirreferi għal snin twal ta’ negliġenza