Aġġornata: Il-PN jakkuża lil Manuel Mallia li gideb rigward il-promozzonijiet fl-AFM

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami akkuża lill-Ministru Manuel Mallia li qed jigdeb meta qal li l-kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta kien ingħata s-security clearance neċessarja.

F’konferenza tal-aħbarijiet, Beppe Fenech Adami qal li skont dokumenti mis-servizz tas-sigurta’ li ġew ippublikati lill-midja, jirriżulta li t-talba għall-promozzjonijiet waslet fi Frar meta fil-verita’ ngħataw f’Diċembru. Dan juri, saħaq il-PN, li l-Ministru Manuel Mallia reġa’ inqabad jigdeb u b’hekk għandu jerfa’ ir-responsabilita’.

Min-naħa tiegħu, il-kelliem Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li għal darba oħra, il-Ministru Mallia kien lest jigdeb biex il-persuni qrib il-Partit Laburista jingħataw dak li jridu.

Sadanittant, fi stqarrija, il-Ministeru tas-Sigurtà Nazzjonali qal li l-uffiċjali kollha tal-armata li ssemmew mill-Oppożizzjoni kellhom Security Clearance f'Awwissu 2013 u fil-każ tal-Brigadier Jeffrey Curmi din ilha li ngħatat mill-2008.

Il-Ministeru jgħid li l-konferenza tal-Oppożizzjoni kienet gidba mill-bidu sal-aħħar u li l-affarijiet imxew kif imxew f'każijiet simili fil-passat.  L-istqarrija tgħid li r-responsabbiltà tal-Oppożizzjoni qed taqa' fl-iktar livelli baxxi sempliċiment biex jimminaw il-Forzi tal-Ordni u l-istituzzjonijiet kollha tal-pajjiż.