Il-PN jaħtar lil Michael Piccinino bħala Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv

Ritratt - Rene Rossignaud

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista ħatar lil Michael Piccinino bħala Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv. Piccinino ġie maħtur b’50 vot favur u 2 kontra. Piccinino kien irrakomandat mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Francis Zammit Dimech.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista żied li s-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv huwa uffiċjal tal-partit u  għalhekk huwa membru tal-Kumitat Eżekuttiv, tal-Kunsill Amministrattiv u tal-Kumitat tat-tmexxija tal-Partit.


Il-PN spjega l-irwol tas-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv li huwa li jassigura kuntatt kontinwu mal-kumitati sezzjonali, reġjonali, organizzazzjonijiet oħra tal-partit u li jaħdem id f’id mal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit, ELCOM. Żied li s-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv huwa responsabbli fost l-oħrajn mill-organizzazzjoni tal-partit fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali, jieħu ħsieb ir-riżorsi tal-partit biex l-Uffiċċju tal-Kap tal-Partit u l-organi kollha tal-partit ikunu jistgħu jwettqu l-ħidma politika tagħhom u li jara li d-Dar Ċentrali u l-assi kollha tal-partit ikunu fi stat tajjeb.

Michael Piccinino huwa minn Raħal Ġdid u għandu 25 sena. Huwa ggradwa mill-kors tal-liġi s-sena li għaddiet u kkwalifika bħala avukat f’Marzu ta’ din is-sena. Michael Piccinino kien ukoll President tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ u qiegħed iservi fil-bord tal-European Youth Forum.