Il-PN jaħtar lil Mario Ellul bħala teżorier

Mario Ellul

Waqt il-Laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Mario Ellul inħatar bħala teżorier ġdid tal-Partit.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista spjega l-irwol ta’ Ellul bħala teżorier. Huwa se jkun responsabbli għall-inizjattivi meħtieġa li jgħinu lill-partit ikollu finanzjament adegwat għall-ħtiġiet tiegħu billi jippjana, jmexxi u jikkordina il-ħidma diretta lejn il-ġbir ta’ fondi għall-partit. Żiedu li t-teżorier huwa uffiċjal tal-partit u membru tal-Kumitat Eżekuttiv, tal-Kunsill Amministrattiv u tal-Kunsill Ġenerali

Mario Ellul huwa miż-Żurrieq u ilu membru attiv fil-Partit Nazzjonalista aktar minn 25 sena. Huwa kkwalifikat bħala accountant mill-kulleġġ International Association of Chartered Certified Accountants (ACCA) u membru Assoċċjazzjoni Maltija tal-Accountants.

Ellul beda l-karriera politika tiegħu bħala membru fil-Kumitat Sezzjonali tal-PN Żurrieq, fejn serva bħala Teżorier, Segretarju kif ukoll President tal-istess Kumitat. Mario Ellul serva fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista elett bħala rappreżentant tal-ħames distrett. Għal għaxar snin huwa serva bħala kunsillier f’isem il-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali taż-Żurrieq. Mario Ellul għamel żmien membru tas-Solidarjeta’ Ħaddiema PN (SĦPN) fejn kien rappreżentant fil-laqgħat tal-European Union of Christian Democratic Workers (EUCDW). Għal xi zmien kien ukoll membru tal-Kulleġġ Kunsillieri Lokali Partit Nazzzjonalista (KKLPN).