“Il-PN jagħżel li jifred u jnissel preġudizzju fil-konfront tal-Kottonera”

Read in English.

Fi stqarrija l-Partit Laburista akkuża lill-Partit Nazzjonalista li qed jerġa’ jagħżel li jipprova jifred. Il-Partit Laburista qal li f’dan il-mument il-poplu Malti jrid għaqda nazzjonali imma l-Partit Nazzjonalista min-naħa tiegħu għażel li jerġa jipprova’ jifred.

L-istqarrija tal-PL, li fiha kkritika l-messaġġ ta’ firda u messaġġ kontra Malta min-naħa tal-PN, kienet b’reazzjoni għal konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista li fiha l-kelliem tal-PN Beppe Fenech Adami saħaq li f’Malta hawn problema kbira ta’ kriminalità, u li dan joħroġ ċar mid-diversi każijiet li ġew irrappurtati fil-midja matul ġranet u x-xhur li għaddew.

B’reazzjoni għad-diskors ta’ Fenech Adami li fih Fenech Adami stqarr li f’Malta teżisti l-kriminalità fejn persuna tinqatel fit-triq sempliċement għaliex ta’ ġilda skura u fejn tinqatel ġurnalista, il-PL qal li l-Maltin u l-Għawdxin jafu li pajjiżhom mhux il-pajjiż li jipprova jpinġi l-PN.

Preġudizzju fil-konfront tal-Kottonera

Intant f’konferenza tal-aħbarijiet separata id-deputat Laburista Glenn Bedingfield u s-Segretarja tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista Lydia Abela qalu li l-Partit Nazzjonalista għadu jmexxi bil-poltika ta’ aħna u huma. Bedingfield min-naħa tiegħu saħaq li dan il-preġudizzju tal-PN ma twelidx illum u saħaq li l-kriminalità naqset madwar Malta kollha inkluż fil-Kottonera.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, saret referenza għad-diskors tal-whip tal-grupp parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar li, skont il-PL, individwa l-Kottonera bħala post fejn hemm problema ta’ kriminalità. Bedingfield saħaq li kellu jkun il-gvern Laburista li poġġa l-Kottonera fil-prijoritajiet tiegħu.

Nuru li aħna poplu ħanin li rridu pajjiż aħjar, Ewropa aħjar

Il-Kap tad-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant waqt attività politika sostna li fl-elezzjonijiet Ewropej irridu nagħtu sinjal ċar li rridu lil Malta titmexxa bil-valuri tal-ħelsien, tas-solidarjetà, tal-ġustizzja soċjali, tal-ugwaljanza, li ħadd mhu għar-rimi. Sant sostna li rridu nuru li aħna poplu ħanin li għandna l-ħeġġa naħdmu biex nagħmlu pajjiż aħjar, Ewropa aħjar, dinja aħjar.

Alfred Sant qal li fil-ħames snin li ġejjin il-membri eletti f’isem il-Partit Laburista għandhom jaħdmu fi ħdan il-Grupp tas-Soċjal Demokratiċi biex jibnu Ewropa soċjali. “Jekk ningħata l-fiduċja tal-poplu fl-elezzjoni li ġejja, inwiegħed li nkun impenjat biex inwettaqha” temm jgħid Dr. Sant.