Il-PN jaf biss 5% tal-istorja ta’ Montenegro – Michael Farrugia

Miguela Xuereb

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia qal li l-Oppożizzjoni taf biss 5% tal-istorja tal-kuntratt ta’ wind farms ta’ Montenegro.

Meta kien qed jitkellem f’għeluq l-estimi tad-dħul u nfiq għas-sena finanzjarja tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Farrugia qal li l-membri parlamentari tal-Oppożizzjoni qed jirrepetu bħala papagalli dak li qed jgħidu l-gazzetti bħalikieku dawn għandhom il-fatti f’idejhom.

Il-Ministru qal li kienet l-Enemalta li talbet lill-Pulizija tiftaħ investigazzjoni wara li jidher li l-istess korporazzjoni aġixxiet b’buona fede. Hu stqarr li l-Enemalta lesta tgħaddi kull dokumentazzjoni li għandha dwar il-każ lill-Pulizija u fl-istess ħin ma jidher li hemm ħadd involut minn ġewwa, iżda jekk xi ħadd fil-ġenb aġixxa ħażin se jħallas għal għemilu.

Il-Ministru qal li l-Oppożizzjoni se ssibu warajha jekk xi ħadd żbalja. Fisser li għal dan il-għan, li l-Gvern neħħa l-preskrizzjoni minn fuq il-politiċi.

Madanakollu, il-Ministru akkuża lill-PN li jekk verament irid li jitraħħsu l-kontijiet, imissu jħallas l-€4 miljuni f’kontijiet arretrati li l-entitajiet tiegħu għandhom mal-Enemalta.

Huwa reġa’ ddefenda l-proġett tal-Montenegro fejn stqarr li hu proġett tajjeb li minnu l-Enemalta se jkollha ritorn ta’ 4 fil-mija fuq l-investiment tagħha.

Farrugia qal li taħt il-Labour, fi tliet snin il-kontijiet raħsu bi €80 miljun kull sena.