Il-PN iżur il-Magħtab: “Is-sit għall-espansjoni ġie magħżul b’mod laxk”

Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista żaret l-impjant tal-iskart tal-Wasteserv fil-Magħtab fejn kellha laqgħa mal-Ministru Aaron Farrugia u l-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv Richard Bilocca.

Fi stqarrija, il-PN qal li l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent David Thake spjega l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni dwar il-proġetti mħabbra mill-Wasteserv fosthom dik tal-espansjoni tal-kumpless.

Il-PN qal li l-bdiewa tal-Magħtab għandhom raġun jinsistu li l-Gvern jista’ u għandu juża siti alternattivi għall-bini tal-impjanti għall-immaniġġjar tal-iskart mill-Wasteserv.

Intqal ukoll li filwaqt li l-Oppożizzjoni tappoġġja kull impenn biex f’Malta nnaqsu, nerġgħu nużaw u nirriċikklaw l-iskart, qed tinsisti wkoll li l-espansjoni tal-kumpless fil-Magħtab mhix xi ħaġa lesta u diġà deċiża.

Thake fakkar kif ir-regoli Ewropew jisħqu fuq żewġ pilastri importanti meta Gvern ikun qed jippjana kif se jwettaq il-politika tal-immaniġġjar tal-iskart. Dawn huma l-ħtieġa ta’ Valutazzjoni Strateġika Ambjentali (SEA) u Stima tal-Impatt Ambjentali (EIS).

Huwa insista li hu skorret u inaċċettabbli li grupp ta’ hekk msejjħa “esperti indipendenti” qabdu u għażlu siti b’mod mill-aktar laxk u arbitrarju għax skont huma l-iskart diġa jintrema’ l-Magħtab. Stqarr li dan mhux proċess trasparenti u ġust u l-Partit Nazzjonalista mhux se japprovah.

Fil-każ tal-Inċineratur, il-Ministru għall-Ambjent diġà qal li dan għandu jsir il-Magħtab skont il-parir ta’ esperti indipendenti iżda dan qalu mingħajr ma l-Environmental Planning Statement għadu beda. Il-PN stqarr li l-proċess huwa wieħed ivvizzjat.

David Thake irringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Wasteserv u dawk tal-kuntratturi li jiġbru l-iskart għall-isforzi tagħhom f’dawn iċ-ċirkustanzi ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika.

Għal din iż-żjara, d-delegazzjoni tal-Oppożizzjoni kienet immexxija mill-Kelliem għall-Ambjent u l-Emerġenza tal-Klima David Thake, li kien akkumpanjat mill-Kelliem Jason Azzopardi li kien responsabbli mill-Ambjent u l-Kunsilliera Lokali tal-PN Janice Chetcuti.