Il-PN iwaqqaf tim biex jinvestiga prattiċi korrotti

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, qal li l-PN waqqaf tim biex jinvestiga kull każ ta’ allegati prattiċi korrotti ta’ xiri ta’ voti fl-aħħar elezzjoni ġenerali.  Fost l-oħrajn, hu rrefera għall-1,000 impjieg mal-Gvern f’Għawdex, kif ukoll eluf ta’ promozzjonijiet u impjiegi oħra.
Waqt intervista fuq Radio 101, Simon Busuttil stqarr ukoll li għalkemm il-PN huwa partit Demokristjan, ma jfissirx li huwa partit tal-Knisja.

“Partit Demokristjan mhux partit tal-Knisja”
Meta tkellem dwar il-liġi taż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess, il-Kap Nazzjonalista qal li għalkemm il-PN huwa partit Demokristjan, ma jfissirx li huwa partit tal-Knisja.
Dr Busuttil sostna li l-partit irid ikun magħqud, u għalhekk filwaqt li l-membri tal-Grupp Parlamentari huma fil-libertà li jitkellmu anki fil-Parlament, meta jiġu għall-vot, għandhom iżommu mal-linja tal-partit.
Dil-ġimgħa l-Membru Parlamentari Nazzjonalista, Edwin Vassallo, qal ma’ Newsbook.com.mt li huwa Kristjan qabel ma hu Nazzjonalist, u saħaq li l-Partit Nazzjonalista għandu jistaqsi lilu nnifsu għaliex ma tħalliex li jkun hemm vot ħieles dwar dan l-abbozz.
Il-Kap Nazzjonalista tenna li l-akbar ġid komuni hu li fil-Parlament jiġi vvutat favur il-liġi, lil hinn mill-kwistjonijiet reliġjużi. Argumenta li kull politiku jkollu jwieġeb bejn dak li tgħid ir-reliġjon u dak li għandu jkun id-dmir tiegħu bħala leġiżlatur.
“Il-PN se jibqa’ jsegwi l-inkjesti maġisterjali”
Dr Busuttil tkellem ukoll dwar l-aħħar żviluppi fl-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus, l-FIAU, partikularment it-tkeċċija ta’ uffiċjali għolja fi ħdan l-aġenzija.
Saħaq li Joseph Muscat daħħal atmosfera fejn il-liġi ma tapplikax għal kulħadd, u fejn min jagħmel xogħlu sewwa jitkeċċa jew issirlu vendikazzjoni.
Huwa stieden fil-partit lil kull min sofra xi inġustizzja simili, u wiegħed ġustizzja, “bl-arretrati b’kollox.”