“Il-PN ivvota favur l-armonizzazzjoni tat-taxxa fl-UE” – Alfred Sant; Jirreaġixxu Casa u Zammit Dimech

Read in English.

Filwaqt li l-membri tal-Partit Nazzjonalista (PN) fil-Parlament Ewropew ivvotaw favur riżoluzzjoni dwar it-taxxi fl-Unjoni Ewropea, l-MEPs tal-Partit Laburista (PL) ivvotaw kontra. Din ir-riżoluzzjoni tfisser li jkun hemm armonizzazzjoni tat-taxxi fl-Ewropa. Bil-Kap tad-Delegazzjoni u Ewroparlamentari f’isem il-PN David Casa jisħaq li dan mhux minnu.

Dan kien kliem Alfred Sant fil-programm REALTÀ fuq TVM, hekk kif tenna li l-armonizzazzjoni tat-taxxa tmur kontra l-interessi ta’ Malta. Dan hekk kif jemmen li l-politika dwar taxxa  hija prerogattiva sovrana tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Alfred Sant identifika lil David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech bħala MEPs li kienu vvutaw favur ir-riżoluzzjoni dwar it-taxxi b’rakkomandazzjoni mill-Parlament Ewropew. Klawżola li daħlet f’din ir-riżoluzzjoni tgħid li l-vot tal-unanimità titneħħa biex jiddeċiedu b’maġġoranza kwalifikata. Din tfisser li tista’ ssir l-armonizzazzjoni tat-taxxi. Barra minn hekk, ammont sostanzjali tal-Partit Popolari Ewropew qablu magħhom.

AQRA: “Se nkomplu niddefendu s-sistema tat-taxxa f’Malta” – Francis Zammit Dimech

Huwa tenna li huwa veru li l-Partit Soċjalista fl-Unjoni Ewropea huwa wkoll favur ir-riżoluzzjoni. Però, sostna li l-grupp Malti fost is-Soċjalisti qed jgħidu le.

Alfred Sant ‘giddieb’ – Casa

Il-Kap tad-Delegazzjoni u l-Ewroparlamentari f’isem il-Partit Nazzjonalista David Casa sostna li Alfred Sant qed jigdeb meta jgħid li l-Ewroparlamentari tal-Partit Nazzjonalista vvuttaw favur l-armonizzazzjoni tat-taxxa. F’kitba fuq Facebook, Casa sostna li meta Sant qal dan huwa kien qed jipprova ‘jnessi l-inkompetenza tal-Ewroparlamentari f’isem il-Partit Laburista’ filwaqt li spjega li l-Parlament Ewropew kellu quddiemu emendi tal-Grupp tas-Soċjalisti li minnu jagħmlu parti l-Ewroparlamentari tal-PL li riedu li Malta tiġi deskritta bħala ‘tax haven’.

L-MEPs Nazzjonalisti biss huma kredibbli għas-sistema tat-taxxa – Zammit Dimech

L-MEP Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li huma l-MEPs Nazzjonalisti biss li għandhom il-kredibbiltà biex jaqbżu għas-sistema tat-taxxi Maltija peress li huma kienu konsistenti fil-ġlieda tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni. Qal li vot għall-kandidati Soċjalisti jkun vot li jappoġġja l-pjan ta’ Timmermans għall-armonizzazzjoni tat-taxxa, li jkun ta’ theddida għal 27,000 impjieg fil-gaming u fis-settur finanzjarju.

Filmat: Vot lill-PL jhedded l-impjieg ta’ 25,000 – Delia