Il-PN isostni li żidiet reali fil-pagi jwasslu għal aktar flus fil-but

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li jinsab imħasseb serjament dwar id-dejn li qed jiżdied tal-Gvern, il-bejgħ u l-produzzjoni industrijali li qed jikkawżaw għafsa ‘l isfel fuq il-pagi tal-ħaddiema Maltin.
Simon Busuttil qal li skont l-istatistika tal-NSO, il-paga medja fl-aħħar sena żdiedet b’rata medja ta’ €100 meta bejn l-2008 u l-2013, il-pagi kienu jiżdiedu b’medja ta’ €528 fis-sena.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal dan waqt laqgħa li l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista kellu mal-eżekuttiv tal-GRTU.
Simon Busuttil qal li pajjiżna wiret ekonomija f’qagħda tajba u għalhekk il-Gvern għandu kull opportunità li jfassal pjan serju għal ekonomija produttiva u kompetittivà.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-GRTU Paul Abela qal li l-GRTU tinsab imħassba b’dak li qed jiġri fil-Libja għaliex ħafna membri tal-unjin għandhom il-kummerċ f’dan il-pajjiż.
Abela talab biex l-MCESD jiltaqa’ b’urġenza u talab għal laqgħa mal-Prim Ministru biex tkun iċċarata s-sitwazzjoni fil-Libja.
Huwa kkritika n-nuqqas ta’ konsultazzjoni dwar it-tneħħija tal-ismart cards u d-deċiżjoni li għalliema li jaħdmu l-Belt Valletta ma jħallsux CVA.
Paul Abela qal li dawk li għandhom il-kummerċ fil-Belt ukoll m’għandhomx iħallsu s-CVA.