Il-PN isostni li l-proposti tal-enerġija tal-PL m’humiex realistiċi

Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-proposti tal-enerġija li semma l-Partit Laburista m’humiex realistiċi. Waqt konferenza tal-aħbarijiet li għaliha kien mistieden l-espert Ingliż Miles A Seaman li għandu esperjenza vasta fil-powerstations u l-installazzjoni ta’ sistemi tal-gas, intqal li t-tariffi taħt gvern Laburista jogħlew b’5% minflok jorħsu b’25%.

F’konferenza tal-aħbarijiet, Miles A Seaman sostna li l-pjanti preżentati mill-Partit Laburista għall-powerstation ġdida bil-gas, m’humiex tajbin biżżejjed fejn jidħlu kwistjonijiet ta’ sigurtà. Il-Ministru Tonio Fenech żied jgħid li huwa evidenti li s-sistema ta’ pipeline tal-gas kienet aħjar minn terminal hekk kif propost mill-Partit Laburista, hekk kif l-istudju li sar mill-Partit Laburista dwar kif se titħaddem is-sistema m’huwiex dettaljat.

Fir-rigward ta’ pajjiżna, ssemmiet ukoll il-kwistjoni ekonomika, hekk kif m’huwiex minnu li l-proġett jieħu biss sentejn biss jiġi implimentat. Intqal li l-proposta tal-Partit Laburista tieħu sitt snin biex jinbena terminal tal-gas qrib il-powerstation b’ Dr. Tonio Fenech sostna li dan hu l-istess perjodu li jittieħed biex jinbena l-pipeline tal-gas li hu orħos.