Il-PN isostni li l-Gvern m’għandu l-ebda viżjoni dwar ix-xogħol

Il-Partit Nazzjonalista stieden lill-Gvern biex ifassal politika immirata lejn il-ħolqien tax-xogħol.

Stqarrija tal-Partit Nazzjonalista ssostni li mill-istatistika bejn April tas-sena li għaddiet u April ta’ din is-sena, pajjiżna żied il-ħaddiema li jaħdmu bi qligħ bi 3,300 ħaddiem ġdid.

Il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista Mario De Marco, Tonio Fenech u Kristy Debono sostnew li din l-istatistika tirrifletti l-aħħar xhur tal-Gvern Nazzjonalista.

Huma sostnew li dawn ir-riżultati ma jiġux waħedhom.

L-istqarrija tgħid li konferma oħra waslet mill-Forum Ekonomiku Dinji, li kkonferma li Malta tinsab fost l-aqwa 20 pajjiż fid-dinja.

Il-Partit Nazzjonalista jinsab imħasseb li matul ix-xahar ta’ Lulju, l-NSO rrapporta żieda fil-qgħad ta’ 9.5%.

Il-Kelliema Nazzjonalisti sostnew li mill-istatistika ġie rreġistrat tnaqqis kemm fl-importazzjoni kif ukoll fl-esportazzjoni.

Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jappella lill-Gvern biex ifassal pjan għall-ħolqien tal-postijiet tax-xogħol.