Il-PN isejjaħ għal soċjetà li jimpurtaha

Il-Partit Nazzjonalista qed isejjaħ għal soċjetà li jimpurtaha għat-tema tal-festi tal-Indipendenza li se tiġi ċċelebrata fuq il-Fosos tal-Furjana bejn il-15 u l-20 ta’ Settembru. Din is-sena se tiġi ċċelebrata l-54 sena mill-kisba tal-Indipendenza.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu, is-Segretarju Ġenerali tal-PN, Clyde Puli, sostna li l-partit irid soċjetà li jimpurtaha u li tinbena fuq ħames pilastri li huma l-ħarsien tal-ħajja, l-għajxien diċenti għal kulħadd, il-wens għal dawk f’qagħdiet dgħajfin, il-kwalità tal-ħajja u l-identità tagħna bħala Maltin u Għawdxin.

Dalgħodu tħabbar ukoll il-programm tal-festi tal-Indipendenza li se jinkludi programm varjat ta’ divertiment. L-attivitajiet jinkludu:

  • Tribute bands ta’ Coldplay u Queen li se jdoqqu is-Sibt 15 u l-Ħadd 16 ta’ Settembru. Il-programm mużikali jinkludi wkoll lil Mark Spiteri Lucas Band u D Capitals.
  • Se jittella’ l-Konkors Kanzunetta Indipendenza u l-Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior.
  • Se jkun hemm numru ta’ attivitajiet sportivi li jinkludu mixja u ġirja li se ssir fis-16 ta’ Settembru.
  • Wirja tal-arti fid-Dar Ċentrali dwar l-artist u skultur Gabriel Caruana fl-10 ta’ Settembru.
  • Se jittellgħu bosta diskussjonijiet politiċi kuljum inkluż il-Ħadd 16 ta’ Settembru.
  • Se jsir mass meeting fuq il-Fosos tal-Furjana fl-20 ta’ Settembru.
  • Riċeviment fi Ġnien l-Indipendenza ta’ Tas-Sliema għall-attivisti fil-21 ta’ Settembru, u l-ġimgħa ta’ wara jsiru ieħor f’Għawdex għall-attivisti Għawdxin.