Il-PN irid li l-Parlament jiddiskuti l-problemi soċjali tat-tfal

Il-Partit Nazzjonalista qal li r-rapport tal-inkjesta tal-Imħallef Michael Mallia dwar il-Bord Konsultattiv dwar it-Tfal u ż-Żgħażagħ għandu jiġi diskuss fil-Parlament.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja Claudio Grech appella biex b'maturità jinstab l-aktar mod effettiv kif tfal li jkunu qegħdin f'ambjent familjari diffiċli jingħatalhom l-appoġġ kollu meħtieġ.
Qal dan filwaqt li spjega li t-tfal m’għandhomx għax jispiċċawx vittmi ta' ċirkostanzi soċjali li ma' jaħtux għalihom.
Sostna li l-Partit Nazzjonalista jemmen li fil-liġi u l-politika dwar it-tfal, l-uniku interess fid-deċizjonijiet li jittieħdu għandu jibqa' dak tat-tfal u tat-tfal biss.
F'każijiet ta' kustodja, Grech qal li dan għandu jiġi kkumplimentat b'rispett u rikonoxximent sħiħ tal-foster parents, li jagħtu kontribut bla qies lis-soċjetà.
Id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista elenka numru ta' proposti fosthom li jingħata bidu għall-proċess intensiv biex tiġi riveduta l-liġi dwar il-ħarsien tat-tfal bl-involviment sħiħ u attiv tal-imsieħba ewlenin kollha.
Proposti oħra kienu li għandu jiddaħħal qafas ta' miżuri aktar b'saħħithom u effettivi li jirrikonoxxu u jgħinu l-foster parents, jinbidel il-mod kif jinħatru l-Membri tal-Bord skond il-Liġi dwar il-Care Orders u jitwaqqaf servizz ġdid u aktar komprensiv minn dak eżistenti biex il-ġenituri bioloġiċi jingħataw l-appoġġ meħtieġ f'waqtu.