“Il-PN irid kontijiet irħas biex iħajjar aktar tniġġis” – Alternattiva Demokratika

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Alternattiva Demokratika qalet li skont min ikun fl-oppożizzjoni, kemm il-PN, kif ukoll il-PL, “dejjem iwegħdu fjuwil irħis li jħammeġ u jmarrad”, dan minflok jipproponu politika serja biex jitnaqqas it-tniġġis mit-traffiku.

Fi stqarrija, l-AD stqarret li l-PL u l-PN dejjem evitaw r-riforma tat-trasport biex titjieb il-kwalità tal-arja. Qalu li minflok, il-PN illum irid fuels fossili irħas biex iħajjar aktar tniġġis u mard.

L-AD qalet li filwaqt li huwa rappurtat li l-kwalità tal-arja tjiebet fl-aħħar ġimgħat, dan mhux grazzi għall-Gvern. Alternattiva Demokratika qalet li ilha ssejjaħ għal riforma effettiva fil-qasam tat-trasport bil-għan li titjieb b’mod dejjiem l-kwalità tal-arja.

Spjegaw li la l-Partit Laburista u lanqas il-Partit Nazzjonalista ma ħadmu biex jimplimentaw politika serja dwar it-trasport. Ingħad li l-ftit miżuri li ttieħdu huma fil-qasam tal-enerġija, għalkemm qalu li anke hemm għad baqa’ ħafna aktar xi jsir.

Il-kelliem u Segretarju Ġenerali ta’ Alternattiva Demokratika Ralph Cassar qal li mhux aċċettabbli li l-Gvern jibqa’ jinjora l-problemi kbar li qed joħloq il-qasam tat-trasport. Huwa saħaq li s-saħħa tan-nies għandha tiġi l-ewwel, mhux biss f’dal-mument partikolari. Kien għalhekk li stqarr li “hemm bżonn normalità ġdida issa.”