Il-PN iressaq tliet proposti għas-settur tal-enerġija

Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista Marthese Portelli u Robert Arrigo ressqu tliet proposti għan-negozji u l-familji Maltin u Għawdxin.
L-ewwel proposta hi dwar dak li ddeskrivew bħala diskriminazzjoni bejn in-negozji Maltin u Shangai Electric.
Qalu li fil-jiem li għaddew ġie żvelat li din il-kumpanija Ċiniża ngħatat il-possibilità li tinvesti f’art tal-Gvern bil-għan li jsir investiment b’rata ta’ 50 ċenteżmu għal kull metru kwadru.
Sostnew li n-negozji Maltin ma ngħatawx din l-istess opportunità u għalhekk inħolqot diskriminazzjoni.
It-tieni proposta tal-Oppożizzjoni hi dwar ittra li ntbagħtet mill-Malta Industrial Parks fejn in-negozji ġew infurmati li jistgħu jikru soqfa b’rata ta’ €3.25.
Il-kelliema qalu li r-rata trid tinbidel biex tirrifletti l-istess prezz li qed iħallas il-barrani u l-Maltin jingħataw l-istess opportunità.
It-tielet proposta hi li l-Gvern għandu jagħti d-dettalji għal aktar skemi ta’ enerġija rinovabbli li jkunu jistgħu japplikaw għalihom il-familji, fosthom sistemi ta’ insulazzjoni u awditjar għall-enerġija.