Il-PN iressaq ilment formali mal-PBS dwar nuqqas ta’ rappurtaġġ

Il-Partit Nazzjonalista kiteb formalment lill-PBS b’ilment għan-nuqqas tal-istazzjon nazzjonali milli jxandar aħbarijiet b’rabta ma’ sejħiet diversi minn membri tal-Partit Laburista, għar-riżenja tal-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi. 
Qabel kliem il-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista, Godfrey Farrugia, kien hemm dikjarazzjonijiet favur riżenja mill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo lbieraħ, u mill-eks-Mexxej Laburista Alfred Sant.
F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini tal-PBS, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet Ċivili, Clyde Puli sostna li l-kap tal-aħbarijiet tal-PBS għamel għażla konxja li jiċċensura kliem Alfred Sant li qanqal reazzjonijiet minn partiti politiċi u minn Ministru tal-Gvern.
Insista li dan hu “eżempju ieħor tal-kontroll dirett li Kastilja għandha fuq dak li jixxandar u ma jixxandarx fuq l-istazzjon nazzjonali”.
Il-kandidata tal-PN Caroline Galea qalet li l-għada li ġew ippubblikati l-Panama Papers, programm ta’ diskussjoni tal-PBS iddiskuta l-iskema ta’ self tal-PN u mhux l-iskandlu u li anke f’Novembru, il-PBS kien għażel li ma jirrappurtax l-inċident li kien inqala’ bejn id-deputati Joe Debono Grech u Marlene Farrugia.