“Il-PN ireġġa’ lura għall-medjokrità fis-saħħa f’Għawdex”

Il-Partit Laburista qal li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ireġġa' l-arloġġ lura għall-medjokrità fil-qasam tas-saħħa f'Għawdex.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Chris Fearne u d-Deputat Laburista Franco Marcieca għamlu referenza għal dak li qal Simon Busuttil nhar l-Erbgħa, meta saħaq li "Gvern Nazzjonalista ġdid jagħti lura l-isptar lill-Għawdxin."
Il-Ministru Faerne qal li l-Gvern Laburista "sab sptar tat-tielet dinja f'Għawdex u llum hu ċar li l-Kap tal-Oppożizzjoni jridna mmorru lura."
Saħaq li l-Gvern, flimkien mal-grupp Vitalis, se jkun qed jibni sptar ta' 350 sodda, sodod għar-rijabilitazzjoni, Ċentru tas-Saħħa biex joffri kura primarja u ħames swali tal-operazzjonijiet, fost oħrajn.
Min-naħa tiegħu, id-deputat Franco Mercieca qal li "qabel Għawdex kien jieħu l-loqom ta' Malta f'dak li hu apparat mediku" filwaqt li "illum saret qabża kbira ta' kwalità, u dan qed jinħass min-nies."
"Gvern Nazzjonalista ġdid jagħti lura l-Isptar t'Għawdex lill-Għawdxin" – PN
B'reazzjoni l-Partit Nazzjonalista reġa' lissen dak li saħaq il-Kap tal-PN Simon Busuttil, u qal li "Gvern Nazzjonalista ġdid se jkun qed jagħti lura l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex lill-familji Għawdxin."
Saħaq li "il-bejgħ tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex ma sarx fl-interess tal-Għawdxin iżda fl-interess ta' min innegozjah. Dan il-kuntratt ġie nnegozjat minn min inqabad li fetaħ kumpanija fil-Panama.