“Il-PN ipprova joħloq firda dwar kwistjonijiet li m’hemmx firda dwarhom”

Read in English.

Il-Kap tad-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Dr. Alfred Sant, waqt attività politika f’Ta’ Ġiorni sostna li l-Partit Nazzjonalista kien qiegħed jipprova joħloq il-firda dwar l-abort u dwar il-kanċer meta ma kienx hemm firda dwar dawn il-kwistjonijiet.

Sostna li vot lill-kandidati tal-Partit Laburista huwa vot favur iż-żgħir u favur “il-valuri li aħna nemmnu fihom bħala Laburisti”. Sant kompla jispjega li “il-valuri tagħna huma valuri tal-ħniena, tal-umanità”. Dr. Sant spjega li valur ieħor kbir huwa l-ħtieġa ta’ aktar ġustizzja soċjali.

“Irridu naħsbu fiż-żgħir, aħna qegħdin hemm biex naħsbu fuq kollox fiż-żgħir…mela le, jagħmlu l-profitti l-kumpaniji u l-imprendituri, imma mbagħad il-ġid irid jitqassam b’mod illi ż-żgħar ikun hemm warajhom gvern, partit li qiegħed iħares u jiddefendi l-interessi tagħhom. Dik hija xi ħaġa li rridu nibqgħu insostnu” saħaq l-eks Prim Ministru Sant.

Dr. Sant qal li l-elezzjonijiet jintrebħu b’nies tajba li jkunu qed imexxu, jintrebħu b’suċċessi kbar fil-qasam ekonomiku imma fuq kollox jintrebħu għax inkunu qed immexxu ’l quddiem il-valuri għall-ħarsien tad-difiża ta’ dawk li l-aktar għandhom bżonn ħarsien u difiża.

Intant l-istess attività kienet indirizzata wkoll mill-kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew Robert Micallef. Fid-diskors tiegħu Micallef qal li rridu nagħżlu bejn min għandu strateġija ċara u soda dwar kif ninvestu fil-futur ta’ Malta b’viżjoni għat-tul u bejn min iħares biss sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Micallef kompla jisħaq li deputati eletti fil-Parlament Ewropew għandhom jużaw il-mezzi xierqa li jistgħu jwasslu għal bidla pożittiva fil-ħajja tan-nies. Saħaq li beħsiebu juża l-esperjenza professjonali tiegħu fi Brussell biex jikkontribwixxi sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet li l-aħjar jikkorrispondu mal-prijoritajiet ta’ Malta u Għawdex.