Il-PN imħasseb dwar in-nuqqas ta’ għalliema: appell biex tinstab soluzzjoni

Il-Partit Nazzjonalista (PN) esprima t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li hemm nuqqas ta’ għalliema f’diversi suġġetti fosthom il-Malti, il-Matematika u l-Ingliż. Fi stqarrija il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni qal li għal sena oħra l-Gvern naqas milli jindirizza din il-kriżi u b’hekk hemm mijiet ta’ student li wara l-ewwel ġimgħa skolastika għadhom mingħajr għalliema. Qal li uħud minnhom għandhom biżżejjed għalliema biex jgħallmuhom nofs l-ammont ta’ lezzjonijiet li għandhom fit-time-table.

Il-PN qal li jinsab imħasseb għaliex l-istudenti Maltin u Għawdxin għandhom jingħataw l-aħjar sabiex ikomplu bl-iżvilupp akkademiku tagħhom fid-dinja tal-lum, u jifhem li dawn l-inkonsistenzi jtellfu dan l-istess żvilupp. Spjegaw kif il-Gvern kellu sena skolastika sħiħha biex jindirizza dawn in-nuqqasijiet. Fissru kif dawn l-istess inkostenzi, is-sena l-oħra wasslu biex il-Union tal-Għalliema l-MUT ħarġet direttivi li affattwaw l-eżamijiet ta’ nofs is-sena tal-Malti u l-Matematika.

Fl-istqarrija l-Partit Nazzjonalista insista li l-Gvern għandu jieħu din il-kriżi bl-akbar serjetà biex tinstab soluzzjoni immedjata.