Aġġornata (Reazzjoni Gvern): Il-PN imħasseb bl-aħbar tal-mewt ta’ priġunier f’Kordin

B'risposta għall-istqarrija tal-Oppożizzjoni b'rabta mal-mewt li seħħet fil-Facilità Korrettiva ta' Kordin ilbieraħ waranfosinhar, il-Gvern appella lill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-aktar sensittività fuq dan il-każ.

Fi stqarrija, il-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali qal li l-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni se jitwieġbu ġaladarba titlesta l-inkjesta maġisterjali.

Il-Gvern jittama li l-Oppożizzjoni ma ddawwarx dan il-każ f’attakk politiku qabel biss jiġu stabbiliti l-fatti.

 

Aktar kmieni: Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista sostna li l-aħbar tal-mewt ta’ priġunier ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hi preokkupanti u qed tqajjem numru ta’ mistoqsijiet li jridu jiġu mwieġba mill-Gvern. 

Il-Partit Nazzjonalista sostna li kif ġie rrappurtat, il-priġunier li nstab mejjet kien għadu kif iddaħħal lura fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara li tul il-ġimagħtejn ilu ħarab mill-Isptar Mater Dei u weħel sentenza ta’ ħabs.

Għaldaqstant, l-Oppożizzjoni tistaqsi kif seħħ dan il-każ u x’miżuri ta’ sorveljanza ħadu l-awtoritajiet ma’ dan il-priġunier fil-ħin qabel ma nstab mejjet.