Il-PN imħasseb bin-nuqqas ta’ pjan mill-Gvern għax-xogħol

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija sostna li l-istatistika li turi kif fix-xahar ta’ Lulju kien hemm żieda ta’ aktar minn 600 persuna ifittxu x-xogħol iżżid it-tħassib fuq il-Gvern fir-rigward tal-ekonomija u x-xogħol.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario De Marco u l-Kelliem għall-Impjiegi, Stephen Spiteri sostnew li l-Gvern kien mehdi jappunta nies tal-qalba fil-Ministeri, l-Awtoritajiet u l-bordijiet, filwaqt li ma ħareġ bl-ebda soluzzjoni kif se jkabbar l-ekonomija u jinħolqu l-postijiet tax-xogħol.

Il-Partit Nazzjonalista jiġbed l-attenzjoni tal-Gvern li kellu numru ta’ opportunitajiet biex jelenka l-pjan jew l-istrateġija li għandu biex ikabbar l-ekonomija fil-ħames snin li ġejjin u joħloq aktar xogħol.

Il-kelliema Nazzjonalisti sostnew li matul din il-leġiżlatura huwa essenzjali li jinħolqu aktar minn 25,000 post tax-xogħol biex pajjiżna jilqa’ għat-talba ta’ impjiegi.