Aġġornata (4): L-AD u l-PN ma jaqblux

 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li minkejja kien hemm qbil fuq diversi punti, il-Partit Nazzjonalista u l-Alternattiva Demokratika ma qablux li jikkontestaw flimkien għall-elezzjoni ġenerali taħt il-kappa tal-PN.
F’kummenti li ta lill-midja wara laqgħa bejn il-PN u l-AD, Simon Busuttil qal li ż-żewġ naħat appuntaw lil Mario De Marco u Carmel Caccopardo sabiex jiddiskutu ħalli tinstab soluzzjoni dwar dan in-nuqqas ta’ ftehim.
"Lesti nirrinunzjaw għall-isem tal-AD" – Arnold Cassola
Iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola qal li l-AD mhux se taċċetta li l-isem tal-lista jkun jisimha PN għax temmen fid-diversità u l-isem għandu jirrifletti d-diversità tal-komponenti li qed jagħmluha.
Qal li lesti jirrinuzjaw għal isem tal-AD imma jridu li l-isem li jiġbor lil kulħadd flimkien. 
"L-AD għandha tingħaqad f'koalizzjoni mal-PN" – Michael Briguglio
Aktar kmieni l-eks-Ċermen tal-Alternattiva Demokratika, Michael Briguglio, saħaq li l-AD għandu jingħaqad f'koalizzjoni mal-PN sabiex jingħaqad ma' Forza Nazzjonali biex ineħħu lill-Partit Laburista mill-Gvern.
Żied li dan huwa l-uniku mod f'Malta li partiti żgħar jista' jkollhom ċans li jiġu eletti, kif ukoll li jekk l-AD ma tingħaqadx f'koalizzjoni mal-PN tirriskja li tisfuma fix-xejn.
"Ma nagħmilx ftehim ma' partiti li għandhom ħsibijiet razzisti"- Simon Busuttil
Dalgħodu f’konferenza tal-aħbarijiet dwar koalizzjoni bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku, Simon Busuttil qal li biex jagħmel ftehim ma’ partiti żgħar oħra, irid ikun hemm ħsieb komuni. Saħaq li mhux se jagħmel ftehim ma’ min għandu ħsibijiet razzisti u xenofobiċi.
“Jekk nitilgħu jien u Marlene, jien se mmexxi” – Simon Busuttil
Fil-konferenza Simon Busuttil spjega kif se taħdem il-koalizzjoni bejn il-PN u l-PD. Sostna li jekk jitilgħu ż-żewġ mexxejja se jkun hu li jmexxi.
Il-Kap Nazzjonalista qal li l-PD aċċetta li l-kandidati tiegħu jikkontestaw taħt il-kappa tal-PN, għall-fini tal-vot.
Spjega li ż-żewġ naħat qablu li l-lista elettorali se ġġib l-isem u s-simbolu tal-PN ukoll. Żied jgħid li l-kandidati tal-PD se jkollhom deskrizzjoni wara isimhom: “tal-oranġjo”.
Dr Busuttil qal li l-għażla tal-kandidati se tibqa’ taħt id-dixxiplina tal-partit rispettiv.
“Il-PL qed jipprova jispinnja meta jgħid li hemm żewġ kapijiet” – Simon Busuttil
Dwar l-għajdut li issa l-PN għandu żewġ kapijiet u li vapur ma jimxix b’żewġ kaptani, Dr Busuttil qal li din hija kollha spin min-naħa tal-PL għax qed jibża’ minn din il-“forza nazzjonali”. Qal li dan kollu jsaħħaħlu l-fiduċja tiegħu li dak li qiegħed jagħmel huwa tajjeb.
“Bejn iż-żewġ partiti hemm tħassib komuni” – Simon Busuttil
Dr Busuttil qal li din il-“forza nazzjonali” seħħet għax iż-żewġ partiti għandhom tħassib komuni dwar il-qagħda ta’ Malta, li ddeskrivieha bħala gravi, liema sitwazzjoni skont Dr Busuttil żviluppat matul l-erba’ snin ta’ Gvern Laburista.
Saħaq  li l-forza nazzjonali qed tinħass aktar minn qatt qabel, hekk kif issa l-Prim Ministru Joseph Muscat u ċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri jinsabu taħt investigazzjonii u tenna li l-PM missu diġà telaq.
Il-Kap tal-PN spjega li l-oqsma ta’ ħsieb komuni bejn iż-żewġ partiti: fosthom il-qasam tal-governanza tajba, il-ġustizzja soċjali, l-ekonomija li tkun sostenibbli u ekonomija għan-nies, il-ħarsien xieraq tal-ambjent u t-tiġdid kostituzzjonali.
Min-naħa tagħha Marlene Farrugia qalet li din il-forza nħolqot għax huma determinati li lill-Malta jħalluha aħjar milli sabuha.
Qalet li erba’ snin ilu l-poplu ħolom ħolma bil-Moviment Laburista. Qalet li
dan il-moviment kien jippersonifika li l-poplu kien jixtieq jara mwettaq: Gvern trasparenti, meritokratiku u li jpoġġi l-ewwel l-interess nazzjonali. Saħqet li l-forza nazzjonali se twettaq din il-ħolma.
“Mhu se nitlob xejn” – Marlene FarrugiaIl-Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia qalet li jekk ma jitla’ ħadd mill-partit tagħha mhux se tkun qed titlob co option.
Żiedet tgħid li lanqas mhu se titlob ministeru għax l-għan tagħha huwa li tinħoloq il-“forza nazzjonali”.
Madankollu, Dr Farrugia baqgħet lura milli twieġeb x’tagħmel f’każ li ma jkunx hemm qbil bejn iż-żewġ mexxejja.
Għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt jekk tagħmilx l-istess kif għamlet mal-PL u titlaq mill-Gvern, Dr Farrugia ma wiġbitx u qalet biss li l-kwistjoni mal-PL ma kinitx fuq xi ħaġa partikolari imma fuq nuqqas ta’ rieda u fuq is-sisien tal-manifest elettorali.
Saħqet li l-Gvern Laburista qed jaqbad il-ġid ta’ Malta u jbigħu f’kuntratti mistura b’nuqqas ta’ trasparenza.
“Fil-Partit Laburista hemm diversi nies imħassbin imma jibżgħu” – Marlene Farrugia
Dwar il-qagħda tal-PL, Dr Farrugia qalet li hemm diversi nies ma japprovawx is-sitwazzjoni tal-Partit imma jibżgħu jitkellmu.
Marlene Farrugia ma weġbitx jekk il-Whip tal-PL Godfrey Farrugia hux se jkun qed jissieħeb mal-“forza nazzjonali”.
"Koalizzjoni tal-konfużjoni li jwassal għall-kaos Nazzjonali" – Partit Laburista
F'reazzjoni l-PL qal li din hija koalizzjoni tal-konfużjoni li twassal għall-kaos nazzjonali.
Temm jgħid li l-poplu jrid jagħżel jekk jafdax l-Ekonomija u l-post tax xogħol tiegħu f’idejn Joseph Muscat u Edward Scicluna jew Marlene Farrugia u Simon Busuttil.
"L-uniku kriżi nazzjonali nħolqot b'Joseph Muscat" – Partit Nazzjonalista
B'reazzjoni l-PN qal li l-uniku kriżi nazzjonali nħolqot bil-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tal-PM Keith Schembri u Konrad Mizzi f'Kastilja.
Qal li fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, il-poplu se jkollu għażla bejn min qed jiġi investigat kriminalment u Gvern ġdid li se jagħti lill-familji pajjiż li jixirqilhom.