Il-PN illejla japprova sett kandidati ġodda għall-elezzjoni ġenerali

L-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista se jerġa’ jiltaqa’ llejla biex jiddiskuti numru ta’ temi relatati mal-ħidma tal-Oppożizzjoni.
Sorsi qrib il-Partit Nazzjonalista li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li matul din il-laqgħa tal-lejla fid-Dar Ċentrali, l-Eżekuttiv tal-partit se japprova numru ta’ kandidati ġodda, li se jkunu t-tieni pakkett ta’ kandidati li se jiġu approvati mill-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Is-sorsi qalu li f’dan il-grupp mistennija li jiġu approvati fost l-oħrajn, Justin Fenech li huwa l-Viċi Sindku fil-Kunsill Lokali tas-Swieqi, Albert Buttigieg li huwa l-eks Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar u l-Għawdxi Joseph Attard, li huwa Kunsillier fil-Kunsill Lokali tax-Xagħra.
Fl-istess grupp se jiġu approvati Kandidati oħra li diġà kkontestaw l-elezzjonijiet ġenerali għall-Partit Nazzjonalista.
F’dawn l-aħħar jiem, il-Partit Nazzjonalista approva wkoll numru ta’ kandidati oħra għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali wkoll li se jsiru f’April li ġej.
Matul l-istess laqgħa tal-Eżekuttiv tal-lejla, se tkompli d-diskussjoni dwar il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni dwar ir-referendum kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa.
Dawn il-laqgħat interni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista dwar il-kaċċa bdew mit-Tnejn li għadda.
Wara li tinstab pożizzjoni komuni, il-partit se jħabbar il-pożizzjoni uffiċjali tiegħu dwar ir-referendum.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil aktar kmieni din il-ġimgħa, kien stqarr li għadda struzzjoni biex il-partit jibda dawn id-diskussjonijiet.