Il-PN ikompli jwiegħed servizzi tas-saħħa b’xejn

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil wiegħed li Gvern Nazzjonalista se jkompli jżomm is-servizzi tas-saħħa b’xejn.
F’laqgħa politika f’Ħaż-Żebbuġ, Simon Busuttil semma l-impenn tal-Gvern li jiġġieled id-diabete. Semma’ li 10% tal-popolazzjoni Maltija tbati minn din il-kundizzjoni.

Fost il-kelliema kien hemm ukoll il-Kap tad-Dipartiment tad-Diabete Joe Azzopardi, li spejga kif jista’ jkun hawn ċentru tad-diabete. Dwar iż-żieda fl-operazzjonijiet tal-kataretti u t-tnaqqis fil-lista ta’ stennija, tkellem il-Kap tad-Dipartiment tal-Oftalmoloġija l-Professur Thomas Fenech

Clyde Bonello, infermier fi sptar privat qal li Malta ħadet biżżejjed fondi tal-Unjoni Ewropea biex jinbena sptar tal-onkoloġija. Sostna li l-Gvern irnexxielu juża’ s-servizzi tas-saħħa tal-privat biex il-pazjenti jingħataw kura iktar mgħaġla u xorta ta’ livell għoli.