Il-PN iħeġġeġ lill-PM jieħu passi kontra l-Ministri “li ndaħlu” f’każ ta’ droga

Il-Partit Nazzjonalista appella lill-Prim Ministru biex jieqaf ikaxkar saqajh u jieħu passi kontra ż-żewġ Ministru li allegatament “indaħlu” f’każ ta’ traffikar tad-droga f’Għawdex.
Il-każ beda meta ġiet żvelata li stqarrija li ntgħatat lill-Pulizija waqt investigazzjoni fuq droga fis-sajf tal-2013 inbidlet wara laqgħa li kienet tinvolvi żewġ ministri u membri tal-familja tas-suspettat.
Fi stqarrrija l-Partit Nazzjonalista qal li r-rapport tal-inkjesta ilu għand il-Prim Ministru għal diversi jiem u s’issa Dr Muscat għadu sieket fuqu.
Il-Partit Nazzjonalista staqsa għalfejn il-Prim Ministru qed iżomm dan ir-rapport moħbi u ma jippublikahx.
Għalhekk il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Prim Ministru għandu jippubblika r-rapport b’mod immedjat u jieħu  passi kontra ż-żewġ Ministri.
“F’għażla bejn iż-żgħażagħ u t-traffikanti tad-droga, Joseph Muscat għażel lit-traffikanti tad-droga,” temm jgħid il-Partit Nazzjonalista 
"M’hemmx dubbju li l-Prim Ministru se jippubblika l-inkjesta" – PL
B'reazzjoni il-Partit Laburista (PL) qal li ma għandu l-ebda dubju li l-Prim Ministru se jippublika l-inkjesta.
Staqsa jekk min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni hux se jippubblika "l-invoices foloz."
L-istqarrija tgħid li d-differenza bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni hija li l-inkjesti u r-rapporti ma "jibqgħux fuq l-ixaffa imma dwarhom jittieħdu d-deċiżjonijiet."
Il-Partit Laburista ħeġġeġ ukoll lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista biex jaġixxi fuq inkjesta li dwar Beppe Fenech Adami li fi kliem il-PL turi biċ-ċar li waqfet investigazzjoni malli fiha deher isem Fenech Adami.