Il-PN iħabbar id-Direttur Informazzjoni ġdid

Il-Partit Nazzjonalista ħatar lil Jesmar Baldacchino bħala Direttur Informazzjoni tal-partit.
Huwa se jkun qed ikompli fuq il-ħidma ta’ David Bonello li rriżenja mill-kariga fil-ġranet li għaddew wara tliet xhur li daħal f’dan l-inkarigu.
Baldacchino ħadem fil-kamra tal-aħbarijiet ta’ Newsbook.com.mt u f’diversi kmamar tal-aħbarijiet oħra fosthom Net Television u l-Illum.
Jesmar Baldacchino għandu 39 sena u ilu jaħdem fis-settur tal-ġurnaliżmu u l-komunikazzjoni għal dawn l-aħħar 20 sena. Huwa għandu wkoll diploma fil-Marketing Diġitali u l-Fotografija.
F’esperjenza politika mal-Partit Nazzjonalista, huwa ħadem fl-uffiċċju tar-relazzjonijiet pubbliċi tal-Ministeru għall-Ġustizzja, id-Djalogu Soċjali u l-Familja fi żmien meta Chris Said kien Ministru.
Kiseb ukoll esperjenza fix-xena Ewropea meta ħadem fl-uffiċċju tal-komunikazzjoni mal-Membri Parlamentari Ewropej Therese Comodini Cachia u Francis Zammit Dimech.
Newsbook.com.mt infurmat li l-kariga ta’ Jesmar Baldacchino bħala Direttur Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista se tidħol fis-seħħ mill-5 ta’ Frar li ġej.