Aġġornata (2): Il-PN iħabbar 51 proposta waqt il-Kunsill Ġenerali

Il-Partit Nazzjonalista ħabbar 51 proposta li jwettaq Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista.
Waħda minn dawn il-proposti hi li jitwaqqaf one-stop-shop għall-ħwienet u n-negozji ż-żgħar bil-għan li titnaqqas il-burokrazija u jkun eliminat il-fatt li ħafna servizzi għal dawn l-intrapriżi jingħataw minn diversi aġenziji tal-amministrazzjoni pubblika.
Il-proposti kienu ppreżentati mill-Kap tal-PN Simon Busuttil fid-dokument imniedi bit-tema ‘A Policy for Retailers’, waqt il-Kunsill Ġenerai bit-tema ‘Nirnexxu lkoll flimkien’, li sar fil-lukanda Westin Dragonara.
Il-proposta tal-one-stop-shop għall-ħwienet u n-negozji ż-żgħar se tkun qed tieħu l-forma ta’ aġenzija li taħdem fuq standards ta’ regolazzjoni, kif ukoll tippromwovi lil Malta bħala destinazzjoni tal-ħwienet. Tkun qiegħda wkoll tiffaċilita l-inċentivi finanzjarji lin-nies fis-settur.
Waqt id-diskors tiegħu, Dr Busuttil tkellem ukoll dwar it-tanker tal-gass f’Marsaxlokk, u saħaq li għall-Partit Nazzjonalista, lanqas it-telf ta’ ħajja waħda ma tista’ tkun ikkunsidrata “aċċettabli”. Hu qal dan qed kif kien qed jikkwota wieħed mid-dokumenti ta’ konsultazzjoni għall-permess ambjent tal-powerstation il-ġdida, li kien jinkludi “konklużjoni xokkanti”. Din il-konklużjoni tgħid li “F’każ ta’ inċident, in-numru ta’ mwiet hu wieħed aċċettabli.”
Saqsa lill-Prim Ministru Joseph Muscat kif xi ħaġa bħal din tista’ tkun aċċettabli għalih, u appella lill-membri tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi biex joġġezzjonaw dan il-permess.
Fost oħrajn, tkellem ukoll dwar il-masterplan ta’ Paceville u qal li dan ixxokkja r-residenti u l-businessmen, hekk kif wera li wħud mill-proprjetajiet tagħhom se jitwaqqgħu biex jinħolqu spazji għall-masterplan.
Suġġetti oħra li semma’ l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kienu l-privatizzazzjoni tal-isptarijiet, il-Ministru tal-Pustizzja Owen Bonnici, u ż-żieda fil-paga minima.
Reazzjoni Partit Laburista
B’reazzjoni l-Partit Laburista sostna li l-falliment fil-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-qasam tal-enerġija ikisser lin-negozji ż-żgħar.
Sostna li b’differenza, kif kien wiegħed, il-Gvern raħħas il-kontijiet għan-negozji fit-tieni sena tal-leġiżlatura.
Reazzjoni Uffiċċju tal-Prim Ministru
Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li bid-dikjarazzjoni li qegħdin tajjeb kif aħna, il-Kap tal-Oppożizzjoni reġa' kkonferma li jrid kemm il-powerstation l-antika tal-Marsa, kif ukoll l-eqdem parti ta' Delimara, biex jibqgħu joperaw.
Iżid jgħid li d-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni tfisser li l-Oppożizzjoni trid li minflok il-qalba għall-gass, immorru lura għall-HFO, ikollna kontijiet ogħla u qtugħ ta’ dawl u ebda investiment fil-ġenerazzjoni tal-elettriku f'pajjiżna.