Il-PN ifakkar fil-proposti tiegħu dwar l-edukazzjoni

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fakkar li l-PN ippreżenta numru ta’ proposti dwar l-edukazzjoni li jistgħu jsiru b’fondi Ewropej għall-perjodu 2014 – 2020.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li dan il-messaġġ twassal minn Dr Busuttil fil-laqgħa li kellu mal-Kunsill Studenti Universitarji.  
Il-Kap Nazzjonalista spjega li dawn il-proġetti jitrattaw il-kultura u l-arti, it-teknoloġija tal-informatika, ftuħ ta’ MCAST f’Għawdex, kif ukoll tagħlim tul il-ħajja.
Simon Busuttil sostna li l-kwistjoni tad-dewmien biex jinħarġu r-riżultati tal-istudenti wasslet għal rabja kbira fost l-istudenti.
Il-Kap Nazzjonalista rringrazzja lill-KSU għall-ħidma tagħhom fil-kwistjoni tal-Avviż Legali 76 tal-2014, li permezz tiegħu, il-Ministru kien se jkollu aċċess dirett għall-informazzjoni dwar l-istudenti kollha.
Tkellmu wkoll dwar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u t-tneħħija tagħhom. Dr Busuttil sostna li l-Gvern qed jidħaq biż-żgħażagħ li l-ewwel wegħedhom il-vot u issa se jneħħihulhom.
Għal din il-laqgħa attendew ukoll id-Deputati Nazzjonalisti Joe Cassar, Robert Cutajar u Ryan Callus.