Il-PN għandu jirbaħ dawn l-elezzjonijiet – Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li jifhem li “b’mod naturali l-Oppożizzjoni għandha tirbaħ dawn l-elezzjonijiet.”
Fl-istess waqt, f’intervista dalgħodu fuq ir-radju tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru Joseph Muscat appella lill-votanti ta’ Birżebbuga, il-Gżira, l-Isla, il-Marsa u Marsaxlokk biex jagħmlu sforz u jiġbru l-vot.
Fi kliemu, dawn l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali “huma diffiċli” u “għandhom jintrebħu imqar b’vot wieħed” u jingħata s-sinjal li Malta ottimista.
Dwar ix-xogħol, Dr Muscat qal li kull jumejn, tliet persuni qed isibu post tax-xogħol u żdiedu n-nisa li joħorġu jaħdmu għall-ewwel darba.
Dwar l-enerġija, il-Prim Ministru saħaq li l-kontijiet se jibqgħu irħas għal kull sena. Qal li meta naqqas l-ispejjeż tal-enerġija għall-familji u għan-negożji, il-Gvern qisu għamel seba’ baġits f’sena waħda, dan billi ħalla €80 miljun iktar fl-ekonomija.
Dwar l-allegati abbużi fil-Ministeru t’Għawdex, il-Prim Ministru qal li jistenna lill-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid għalfejn qed jipproteġi lil Chris Said u Giovanna Debono. 
Ritratt: DOI – Reuben Piscopo