“Il-PN għandu jippubblika l-ismijiet ta’ min jidħol fl-iskema tad-dejn, inkella jwaqqafha”

Il-Partit Laburista qed isostni li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu l-għażla li jippubblika l-ismijiet ta’ dawk kollha li daħlu fl-iskema ta’ dejn, inkella li jwaqqaf l-iskema.
F’konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Ministru tal-Ġustizzja, Owen Bonnici, u l-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Gino Cauchi, iddeskrivew l-iskema tal-PN bħala waħda ta’ dejn sigriet, mhux garantit u bla trasparenza.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li Simon Busuttil irid jieħu waħda miż-żewġ għażliet jekk irid jikseb lura ftit kredibilità hekk kif akkużah li umilja żewġ liġijiet minn tlieta li daħħal il-Gvern biex tiżdied it-trasparenza – il-liġi tal-Whistleblower u dik tal-finanzjament tal-partiti.
Gino Cauchi qal li hemm differenza kbira bejn il-Partit Laburista, li jippubblika l-accounts tiegħu, u l-Partit Nazzjonalista li dejjem irrifjuta li jippubblikahom. Qal li diġà għaddew 4 ġimgħat minn meta tnediet din l-iskema, li ħadd mhu se jkun jaf min se jagħti donazzjonijiet waqt li saħaq li s-self tal-flus se jwassal għal obbligazzjonijiet għal meta l-PN ikun fil-Gvern.
Aġġornata bir-reazzjoni tal-PN:
Il-PN, f'reazzjoni, sostna li l-iskema Ċedoli hi skont il-liġi li ppilota Owen Bonnici u li magħha qabel il-PN. Sostna li l-liġi ssemmi, f'seba' darbiet, kif jista' jsir is-self lill-partiti politiċi.
Insista li l-iskema turi d-differenza bejn iż-żewġ partiti, u waqt li l-PL "għamel kampanja elettorali miljunarja" li daħħlitu "f'obbligi elettorali", il-PN qiegħed, skont il-liġi, jissellef minn individwi b'rata ta' imgħax tajba.