Il-PN għandu bżonn kap ġdid – Richard Muscat

Jemmen li l-bidla tal-kap għandha ssir fl-interess nazzjonali u tal-ġid komuni

Photo: Partit Nazzjonalista

Il-veteran Richard Muscat li ilu snin jimmilita fil-Partit Nazzjonalista, stqarr li fis-sitwazzjoni tal-lum il-Partit Nazzjonalista għandu bżonn bidla fit-tmexxija.

Waqt il-programm Newsbook Hour fuq l-istazzjon tar-radju 103, Muscat spjega li dan għandu jsir b’sens ta’ lealtà fid-dawl tad-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Grupp Parlamentari u l-Kumitat Eżekuttiv, u l-mod kif irreaġixxa l-Kap tal-Partit Adrian Delia. Irrimarka li l-lealtà tiegħu għandha prezz u dak il-prezz huwa l-ġid komuni, il-ġid nazzjonali u ċerti valuri u prinċipji.

Muscat qal li huwa kien wiegħed il-lealtà tiegħu lejn il-Kap tal-Partit, minkejja li fl-elezzjoni tal-2017 ma kienx ivvutalu.

Iddeskriva l-mument partikolari li għaddej bħalissa l-Partit Nazzjonalista bħala perjodu diffiċli ħafna, b’mod speċjali għalih, li għal żmien twil immilita u ħadem fl-istess Partit Nazzjonalista.

Iktar kmieni matul il-jum, permezz ta’ post fuq Facebook, Richard Muscat qal li bil-qagħda ‘drammatika’ li jinsab fiha l-Partit bħalissa ma jarax futur. Fisser li f’dan il-kuntest, “inħoss li hemm raġunijiet biżżejjed biex jiena fil-kuxjenza nħoss li għandu jkun hemm soluzzjoni definittiva permezz ta’ bidla fit-tmexxija bħala l-unika triq vijabbli biex insalvaw il-Partit Nazzjonalista, u inwieġbu b’mod serju u konkret għas-sejħa tal-pajjiż favur it-tisħiħ tas-sistema demokratika tagħna”.