​Aġġornata: “Il-PN għandu bżonn jitkellem b’leħen wieħed” – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-partit għandu bżonn jitkellem b’leħen wieħed. Sostna li dan il-leħen għandu jkun “magħqud, ċar u li ma jiddubitah ħadd”.
Waqt li kien qed jindirizza lill-partitarji f’Ħal Qormi, il-Kap Nazzjonalista qal li jrid ikun hemm il-ħsieb biex jinħolqu l-ideat għall-pajjiż fit-trasport, fis-saħħa, fl-edukazzjoni u f’diversi setturi oħra.
Dr Delia tkellem dwar dak li ġara din il-ġimgħa fil-Parlament fejn għadd ta’ deputati Nazzjonalisti ma appoġġjawx il-mozzjoni mressqa mill-PN stess.
Il-Kap Nazzjonalista ddefenda l-pożizzjoni tiegħu li ressaq il-mozzjoni u qal li dan kien tort tal-Gvern Laburista li ma laqax il-proposti tal-Partit Nazzjonalista, li minflok titressaq Avviż Legali titbiddel il-liġi prinċipali.
Spjega li dan huwa frott tad-diversità li ilu jħaddan il-Partit Nazzjonalista, fejn spjega li “hemm min hu liberali, konservattiv jew fin-nofs”. Sostna li din hija sfida għall-Partit iżda jekk il-partitarji jemmnu li l-PN kapaċi jkun Oppożizzjoni serja għal Malta, hemm bżonn l-għaqda.
Adrian Delia qal li kuljum qed imorru nies, fosthom studenti, anzjani, nies imweġġgħin mill-partit, negozjanti u anki laburisti, li qed jgħidu li ddejqu bil-politika tal-Gvern Laburista u  qed jaraw tama fil-Partit Nazzjonalista.
Trasport: “Fi tliet snin mil-lum se jkun hawn gridlock
Dr Delia qal li Malta għandha sfida kbira ta’ nuqqas ta’ ppjanar mill-Gvern Laburista. Qal li fi tliet snin mil-lum, it-traffiku f’Malta tant se jiżdied li għal ħinijiet twal matul il-ġurnata se jkun hawn gridlock.
Sostna li l-Gvern mhux qed jippjana, anke jekk wiegħed li jonfoq €700 miljun għal toroq ġodda.
Saħħa: “Għaddiet sena oħra u l-Gvern ma pprovdiex stikek għall-pazjenti tad-dijabete”
Semma wkoll in-nuqqas ta’ ppjanar fis-settur tas-saħħa fejn kuljum qed jaslulu rapporti li l-pazjenti qed idumu xhur biex għall-inqas jaslulhom riżultati biex minnhom isir magħruf x’kura għandhom bżonn. Fakkar fil-wegħda li kien għamel il-Partit Laburista li jagħti stikek b’xejn għal min ibati mid-dijabete. Qal li “għaddiet sena oħra u l-Gvern ma semma xejn dwarha”.
Is-servizzi finanzjarji: "Settur ekonomiku maħluq mill-Partit Nazzjonalista"
Dwar is-servizzi finanzjarji, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li kien il-Partit Nazzjonalista li ħoloq dan is-settur ekonomiku. Fakkar dan għax qal li l-maġġoranza tal-ħaddiema għandhom bejn 25 u 35 sena u qal li forsi jinsew dak li ġara qabel dawn l-aħħar erba’ snin.
Dr Delia qal li għandu “tħassib kbir dwar waħda mill-aktar setturi importanti għall-ekonomija li tiġġenera miljuni fis-sena”.
Saħaq li f’Malta qed isiru investimenti “mhux serji” u għalhekk jeħtieġ li “naraw minn fejn ġejjin il-flus u naraw x’effett se jkollhom fl-ekonomija ta’ Malta”.
Semma’ kif “wasalna f’punt fejn minflok tmur tiftaħar b’pajjiżek trid tmur tiddefendi l-pajjiżek” għax il-barranin qed iqajmu numru ta’ mistoqsijiet dwar ħidmet il-Gvern.
Il-Partit Laburista jgħid li Adrian Delia qed ibaxxi rasu għal Simon Busuttil
FI stqarrija, il-Partit Laburista qal​ li l-Kap Nazzjonalista kkonferma kif "is-suppost mod ġdid tiegħu" hu li jbaxxi rasu għal Dr Busuttil biex jipprova jikkalma l-gwerra interna.
Il-Partit Laburista qal li Dr Delia se jkompli jmur jitkellem kontra Malta ‘l barra minn xtutna. Sostna li huwa ċar li t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista qed tuża din l-attitudni negattiva tal-passat biex tipprova ġġib xi paċi fil-gwerra interna "bejn in-nies ta’ Delia u n-nies ta’ Busuttil".