‘Il-PN għandu bżonn jibni fuq il-lezzjonijiet li ħa’ – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-partit li huwa jmexxi għandu bżonn jimxi l-quddiem u jibni fuq il-lezzjonijiet li ħa. Huwa kien intervistat fuq l-istazzjoni tal-partit il-Ħadd. Delia rrefera għall-ġrajjiet li għadda minnu l-partit sakemm il-kandidat tat-13-il distrett u l-avukat Kevin Cutajar ġie co-opted għall-Parlament. Huwa sostna li diversi strutturi fil-partit għandhom jitjiebu u għandhom jiġu użati aħjar.

Delia sostna li l-Partit Nazzjonalista huwa kburi li fost il-persuni li għandu fil-grupp parlamentari huwa persuna b’abbiltajiet differenti. Huwa ddeskriva lil Cutajar bħala persuna li tgħaqqad u sostna li l-parlament se jkollu bżonn jadatta għall-bżonnijiet ta’ Cutajar.

AQRA: Filmat: “Id-deċiżjoni tal-PN bagħtet messaġġ qawwi lil persuni b’diżabbiltà” – Cutajar

Delia sostna li se jkun qed iżur Għawdex dalwaqt. Kompla jgħid li se jkun qed jaqra r-rapporti kollha u se jkun qed jaġixxi dwarhom. Però Delia wissa’ li s-sezzjonijiet kollha tal-Partit Nazzjonalista jridu jiġbdu ħabel wieħed u jgħatu l-kontribut tagħhom għar-riżultati elettorali.

Waqt l-intervista, Delia tkellem ukoll dwar l-invit li kellu għall-programm Xarabank. Sostna li dawk qrib tiegħu rrakommandaw biex huwa ma jattendix għall-programm ta’ diskussjoni. Saħaq li huwa jrid jiddibatti mal-Prim Ministru kemm il-darba jagħżel li jagħmel dan kif ukoll li jrid jiddiskutti ma’ dawk il-persuni li għandhom ideat u opinjonijiet differenti minn tiegħu. Delia sostna li l-għan tiegħu huwa li juri li qiegħed hemm biex jisma’ li kull persuna li għandha messaġġ li trid tgħaddi.  Skont il-kap tal-Partit Nazzjonalista, il-partit li jmexxi hu jrid ikun b’saħħtu fl-oppożizzjoni qabel ma jimmira li jkun gvern alternattiv. Sostna li fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u dawk tal-Parlament Ewropew, il-Partit Nazzjonalista sofra telfiet kbar fl-aħħar għaxar snin.

Delia saħaq li fl-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista għandu jkun hemm persuni li huma mmotivati biex jagħmlu xi ħaġa. Huwa qal li kien hemm persuni li ma għandhom l-ebda esperjenza politika li kellmuh fl-aħħar jiem biex jagħtuh daqqa t’id. Temm jgħid li hemm bżonn ta’ rieda li wieħed jirbaħ inkella l-Partit Nazzjonalista mhux se jimxi ‘l quddiem.