Il-PN għall-Qorti kontra l-Kummissjoni Elettorali

Il-Partit Nazzjonalista ddeċieda li jirrikorri għall-Qorti kontra l-Kummissjoni Elettorali sabiex, fi kliemu, jassigura li jivvutaw biss dawk li għandhom id-dritt għall-vot.
Waqt li kien qed jindirizza lin-nies waqt attività politika f’San Ġwann, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li mhux biżżejjed li l-Prim Ministru jitkellem dwar ir-riformi fil-Kostituzzjoni, meta mbagħad aġenzija tal-Gvern li taqa' taħtu stess ilha tikser il-liġi elettorali għall-aħħar 18-il xahar.
Dr Delia qal li Identity Malta ilha dan il-perjodu taħbi informazzjoni importanti dwar dawk bi dritt għall-vot, u qed tagħżel deliberatament li tgħaddi lill-Kummissjoni Elettorali l-informazzjoni li trid hi biss.
Sostna li kemm il-Kummissjoni Elettorali kif ukoll il-Partit Nazzjonalista lmentaw dwar dan iżda baqgħu jiġu kontinwament injorati, u hawnhekk staqsa x'qed taħbi Identity Malta u għaliex il-Kummissjoni Elettorali se tibqa’ ma tiħux passi kontra dan il-ksur tal-liġi.
Dr Delia semma l-Ewrobarometru, li wera kif il-Maltin elenkaw il-kriminalità bħala l-akbar sfida għall-pajjiż, u skont il-Kap tal-PN dan juri nuqqas ta’ sigurtà.
“In-nuqqas ta' sigurtà qed tinħass fost ir-residenti ta' bosta lokalitajiet fosthom il-Marsa, il-Furjana u San Pawl il-Baħar. Il-Gvern sab flus biex jagħti €50 miljun rigal lil Vitals iżda mhux isib flus biex jarma lill-Pulizija fil-ġlieda kontra l-kriminalità”, enfasizza.
Semma wkoll in-nuqqas ta’ sigurtà fl-iskejjel, u hawnhekk dar għall-aggressjonijiet li seħħew fuq għalliema.
Temm jirreferi għal studju akkademiku li ġie ppubblikat fl-aħħar jiem, li juri kif 18% biss tal-edukaturi lesti li jibqgħu jgħallmu jekk jiġu offruti opportunità ta' karriera oħra.