Il-PN f’laqgħa mad-Demokristjani Ġermaniżi dwar l-immigrazzjoni

L-immigrazzjoni irregolari hi sfida għall-UE kollha, mhux biss għal Malta.
Hekk qal Stephen Mayer, kelliem għall-grupp Parlamentari Ġermaniż tad-Demokristjani, fi żjara lill-Partit Nazzjonalista.
Mayer iltaqa’ mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Immigrazzjoni, Francis Zammit Dimech, li saħaq fuq l-importanza tal-immigrazzjoni għal Malta.
Zammit Dimech qal li l-PN jilqa’ l-passi li qed jittieħdu lejn sistema ta’ kwoti fost il-pajjiżi membri tal-UE iżda saħaq li s-sistema għandha tqis fatturi li jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor, fosthom id-daqs, il-popolazzjoni, u l-Prodott Gross Domestiku.
Min-naħa tiegħu, Mayer qal li hu inġust li tliet kwarti tal-immigranti irregolari jintlaqgħu minn ħames pajjiżi biss waqt li spjega li ma jeskludix li mas-sistema tal-kwota jkun hemm fatturi oħra li jittieħdu in kunsiderazzjoni, għalkemm qal li l-ewwel, il-pajjiżi membri tal-UE għandhom jikkonvinċu ruħhom li din is-sistema għandha tiddaħħal.