Awdjo: Il-PN dwar garanzija ta’ jobs

Il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali, Gejtu Vella u David Casa, tkellmu dwar ix-xogħol li ħoloq il-Gvern u dwar numru ta’ proposti għall-ħames snin li ġejjin, waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema “Il-Partit Nazzjonalista garanzija ta’ aktar jobs”.

Gejtu Vella, li qed jikkontesta għall-elezzjoni ġenerali għall-ewwel darba, qal li l-Gvern flimkien ma’ seba’ unions oħra kkonkluda ftehim kollettiv. Spjega kif dan ħa jgawdu minnu ħaddiema fis-settur pubbliku li fost oħrajn, ser jiggwadanjaw minn żidiet. Gejtu Vella qal ukoll li Gvern Nazzjonalista akkwista riżultati tajbin ħafna, liema riżultati huma evidenti għal min irid jarahom. Għaldaqstant, fi kliem Gejtu Vella, il-Partit Nazzjonalista għandu l-kredenzjali biex imexxi l-pajjiż. Gejtu Vella tkellem b’mod partikolari dwar l-ekonomija u spjega kif għall-Partit Nazzjonalista, l-ekonomija hi pilastru ewlieni u fiċ-ċentru tagħha hemm il-ħaddiema.

Gejtu Vella temm jgħid li bħala persuna li ġejja mill-kamp trejdunjonistiku, huwa ta’ sodifazzjon għalih li l-Partit Nazzjonalista jpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-proposti tiegħu.

Fl-istess konferenza għamel l-intervent tiegħu l-kandidat David Casa li spjega kif il-Partit Nazzjonalista tratta l-qasam tax-xogħol b’suċċess u pożittività. Fi kliemu, dan jirrifletti kredibilità. David Casa qal li l-Partit Nazzjonalista bid-dikjarar ħoloq għoxrin elf impjieg, ġab il-qgħad bħala s-sitta l-inqas fl-Ewropa, żied il-paga minima u ħoloq fost l-aħjar kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea.

David Casa, żied jgħid li dak li l-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed fil-programm elettorali tiegħu huwa fattibli. Ma naqasx milli jaċċenna għat-tliet pilastri tal-Partit Nazzjonalista li huma l-edukazzjoni, is-saħħa u x-xogħol.