Il-PN b’mozzjoni biex Prof. Gauci tingħata l-Onorifiċenza Mertu Siġġiewi

Miguela Xuereb

Il-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ppreżentaw mozzjoni biex il-Kunsill Lokali jagħti l-Onorifiċenza Mertu Siġġiewi lis-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci.

Fi stqarrija, il-partit qal li l-mozzjoni li tressqet mill-kunsilliera tal-PN, Alessia Psaila Zammit, Julian Borg u Francine Farrugia se tkun diskussa fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Lokali skedata għat-8 ta’ Ġunju. Il-mozzjoni tispjega li s-Superintendent tas-Saħħa Pubblika ilha residenti s-Siġġiewi għal numru ta’ snin u f’dan r-rwol tagħha dejjem wettqet ħidma professjonali li hija ta’ ġieħ u ġid mhux biss għas-Siġġiewi iżda għal pajjiżna.

Il-minority leader fi ħdan il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, l-Avukat Alessia Psaila Zammit qalet li l-kunsilliera li ressqu din l-mozzjoni jemmnu li l-ħidma tas-Superintendent għandha tkun rikonoxxuta u apprezzata mill-Kunsill Lokali u dan f’isem il-lokalità u r-residenti Siġġiwin. Hi qalet li l-mozzjoni hija biex tkun rikonoxxuta l-ħidma professjonali tal-Professur Charmaine Gauci li qed tagħmel ġieħ mhux biss lis-Siġġiewi, fejn hija residenti, imma lill-pajjiż kollu.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn