Il-PN b’mozzjoni biex jannulla l-ittardjar tal-elezzjoni tal-Kumitati Amministrattivi

Il-Partit Nazzjonalista ressaq mozzjoni sabiex jiġi annullat, jitħassar u revokat, l-avviż legali li jemenda r-regolamenti dwar il-kumitati amministrattivi għall-komunitajiet.

Fi stqarrija, il-PN sostna li bl-Avviż Legali 44, il-Gvern ħassar l-elezzjonijiet tal-Kumitati Amministrattivi li għandhom isiru fil-25 ta’ Mejju. Skont l-Avviż Legali, l-elezzjonijiet ġew posposti indefinittivament u li se jkun il-Ministru għall-Gvern Lokali Owen Bonnici li eventwalment jagħżel il-ġurnata meta se jsir dan.

L-irwol tal-Kumitati Amministrattivi, li ġew introdotti lura fl-2009 wara li ġie emendat l-Att dwar il-Kunsilli Lokali, ingħataw l-irwol li jmexxu komunitajiet żgħar li qabel kienu jaqgħu taħt Kunsill Lokali ta’ villaġġ ieħor. Diskussjonijiet li saru fil-Parlament hemm ċans li dan l-irwol jingħata lura lill-Kunsilli Lokali.

Fl-istqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li jemmen li dawn il-Kumitati Amministrattivi għandhom mhux biss jibqgħu jeżistu iżda li jiġu msaħħa sabiex jibqgħu jiġu eletti persuni mir-residenti tal-komunitajiet f’Malta u Għawdex. Fil-mozzjoni, il-Kelliem għall-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar, il-Kelliem dwar is-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Karol Aquilina u l-Viċi Kap tal-PN David Agius qalu li l-Gvern m’għandu l-ebda mandat  elettorali biex jieħu deċiżjoni bħal din u huwa xieraq li dawn il-kumitati jibqgħu jeżistu.

L-elezzjonijiet li kellhom isiru fil-25 ta’ Mejju kienu għal dawn il-komunitajiet:

  1. Marsalforn fil-lokalità taż-Żebbuġ
  2. Xlendi fil-lokalità tal-Munxar
  3. Santa Luqija fil-lokalità ta’ Kerċem
  4. Paceville fil-lokalità ta’ San Ġiljan
  5. Kappara fil-lokalità ta’ San Ġwann
  6. Madliena fil-lokalità ta’ San Ġwann
  7. Bubaqra fil-lokalità taż-Żurrieq
  8. Fleur-de-Lys fil-lokalità ta’ Birkirkara
  9. Tal-Virtù fil-lokalità tar-Rabat
  10. Ħal Farruġ fil-lokalità ta’ Ħal Luqa
  11. St Peter’s fil-lokalità ta’ Ħaż-Żbbar
  12. Is-Swatar fil-lokalitajiet ta’ Birkirkara u l-Imsida
  13. Burmarrad fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar
  14. Il-Baħrija fil-lokalità tar-Rabat
  15. Baħar iċ-Ċagħaq fil-lokalità tan-Naxxar
  16. Gwardamangia fil-lokalità tal-Pietà