Il-PN bl-ogħla għadd ta’ tesserati fi 13-il sena – Delia

PN

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista għandu l-ogħla ammont ta’ tesserati fi 13-il sena skont il-Kap tal-partit Adrian Delia.

Fi stqarrija, il-PN qal li Delia żvela dan waqt attività għat-tesserati li għalqu 55 sena din is-sena bħala parti mill-attivitajiet li qed jorganizza biex ifakkar il-55 Anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza ta’ Malta.

Adrian Delia qal li minn ftit mijiet 55 sena ilu, illum il-PN għandu 24,000 tesserat, b’żieda ta’ 1,700 tesserat ġdid fl-aħħar sena.

Delia qal li t-tesserati huma l-pedament tal-patit u li huma parti essenzjali mir-riforma li qed iwettaq. Skont Delia, il-PN huwa l-unika alternattiva għall-Gvern li mhux iqassam il-ġid b’mod ġust bejn kulħadd. Ħabbar li l-PN se jkun qed ifassal pjan fit-tul li “jagħti ġejjieni aħjar”.

Il-Kap tal-partit stqarr li t-tesserati huma messaġġiera li jwasslu l-messaġġ tal-PN man-nies u dawk li jiddefendu l-messaġġ tal-PN “mill-ispin u l-qerq tal-Gvern Laburista”.

“Ma għandix il-flus li jonfoq il-Gvern fil-marketing imma insibu lilkom biex twasslu l-messaġġ tagħna. Għalkemm m’għandix ir-riżorsi tal-Labour u t-triq hi għat-telgħa l-poplu dejjem qed jintebaħ aktar li l-Gvern Laburista hu Gvern tal-ftit li ma jqassamx il-ġid b’mod ġust bejn kulħadd, u li qed joħloq ekonomija għall-ftit,” qal Delia.