Il-PN b’ittra biex ma jkunx abbużat il-proċess biex jinħatar iċ-Chairman tal-FIAU

Read in English.

Id-Deputati Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li huma membri tal-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubblici bagħtu liċ-Chairperson tal-Kumitat Anthony Agius Decelis dwar il-ħatra taċ-Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU). F’din l-ittra huma jesiġu li l-proċess għall-ħatra quddiem dan l-istess Kumitat ma jiġix abbużat u jsir skont il-liġi, u mhux li tinħatar persuna minn wara dahar il-Parlament u bi ksur tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika.

Fl-ittra ffirmata mid-Deputati Karol Aquilina, Carmelo Mifsud Bonnici u Clyde Puli, huma jgħidu li ma kinitx fil-kapaċità tal-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna li jaħtar Chairman għall-FIAU, imma skont il-Kostituzzjoni, dan għandu jagħmlu l-Prim Ministru, b’konsultazzjoni mal-Ministru.

Apparti dan, huma qalu li l-ittra tal-Ministru Scicluna tat-2 ta’ Novembru dwar il-ħatra ta’ Jesmond Gatt bħala chairman, tindika li huwa kien diġà maħtur fil-kariga, li jidher ukoll mill-Gazzetta tal-Gvern tat-3 t’April li għadda.

Huma saħqu li Artikolu 38 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika jobbliga lill-Prim Ministru jibgħat l-isem tal-persuna lill-Kumitat meta jkollu l-intenzjoni li jinnominaha, u mhux wara li l-Ministru jkun diġà ħabbar il-ħatra tal-persuna fil-kariga.

Għalhekk, huma saħqu li dan il-proċess għandu jsir skont il-liġi u ma jkunx abbużat. Talbu lil Agius Decelis biex jiddefendi l-Kumitat u jara li proċessi siewja jiġu segwiti.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech diġà ddiskuta dan is-suġġett waqt konferenza stampa li fiha akkuża lill-Prim Ministru u lill-Ministru Scicluna li qegħdin jiksru l-liġi, anke billi l-ħatra saret minn wara dahar il-Parlament.